1.2.1. Il-klassifikazzjoni tal-atti
L-atti huma kklassifikati skont l‑intestatura (L I, L II, eċċ.) u s‑subintestatura (“Regolamenti”,” Direttivi”, eċċ.) f’ordni speċifiku.
L-atti huma kklassifikati skont l‑intestatura (L I, L II, eċċ.) u s-subintestatura (“Regolamenti”, “Direttivi”, eċċ.) fl‑ordni mogħtija hawn taħt (ara wkoll l‑istruttura tal-Ġurnal Uffiċjali fl‑EUR-Lex).
L I — Atti leġiżlattivi
- Regolamenti
- Direttivi
- Deċiżjonijiet
- Baġits
L II — Atti mhux leġiżlattivi
- Ftehimiet internazzjonali
- Regolamenti
- Direttivi
- Deċiżjonijiet
- Rakkomandazzjonijiet
- Linji gwida
- Regoli ta’ proċedura
- Atti adottati minn korpi stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali
- Ftehimiet interistituzzjonali
L III — Atti oħrajn
- Iż-Żona Ekonomika Ewropea
L-intestatura L IV — Atti adottati qabel l‑1 ta' Diċembru 2009 skont it‑Trattat KE, it‑Trattat UE u t‑Trattat Euratom, intużat temporanjament wara l‑1 ta' Jannar 2010 biex tiġbor fiha atti adottati qabel l‑1 ta' Diċembru 2009 taħt it‑Trattat KE, it‑Trattat UE u t‑Trattat Euratom. Din l‑intestatura llum m'għadhiex fl‑użu.
Taħt kull intestatura, l‑atti huma kklassifikati skont:
- it-tip (regolament, direttiva, deċiżjoni, baġit, eċċ.), u
- l-ordni tal-awtur (ara t‑Taqsima 3.4.2): Il-Parlament Ewropew, il‑Kunsill Ewropew, il‑Parlament Ewropew u l‑Kunsill, il‑Kunsill, il‑Kummissjoni Ewropea, il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Qorti tal-Awdituri, eċċ.
Taħt l‑intestatura L II, is‑subintestaturi “Regolamenti”, “Direttivi” u “Deċiżjonijiet”, skont l‑ordni msemmija hawn fuq u għall-awturi kkonċernati, l‑atti huma kklassifikati fl‑ordni li ġejja:
- atti bbażati direttament fuq it‑Trattati;
- atti delegati;
- atti ta’ implimentazzjoni.
Għal eżempji, ara “Tabelli ta’ sommarju”.
Intestaturi
Is-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tinkludi l‑intestaturi li ġejjin.
L I — Atti leġiżlattivi
Din l-intestatura tiġbor fiha l‑“atti leġiżlattivi” skont it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri r‑regolamenti, id‑direttivi u d‑deċiżjonijiet li jiġu adottati:
- bil-“proċedura leġiżlattiva ordinarja” (l‑adozzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l‑Kunsill),
- bi “proċedura leġiżlattiva speċjali” (adottata mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew jew adottata mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill).
L-atti leġiżlattivi jkopru wkoll il‑baġit annwali tal-Unjoni Ewropea (kif ukoll kull baġit emendatorju relatat), kif ikun adottat skont proċedura leġiżlattiva speċjali.
Il-“baġit annwali” tal-Unjoni Ewropea qabel kien jissejjaħ il‑“baġit ġenerali”. Fl-2022, għalhekk, it‑titolu tal-att li jadotta definittivament il‑baġit, inbidel (“Adozzjoni definittiva tal-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea”).
Qabel l‑1 ta’ Diċembru 2009, il‑baġit tal-Unjoni Ewropea kien jiġi ppubblikat fl‑Intestatura L II (Atti mhux leġiżlattivi), bl‑att ta' adozzjoni intitolat “Adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea”. Id‑dikjarazzjonijiet tad-dħul u n-nefqa tal-aġenziji li kienu jiġu ppubblikati fis-serje L issa jinsabu fis-serje C.
L II — Atti mhux leġiżlattivi
Din l‑intestatura tiġbor fiha l‑“atti mhux leġiżlattivi” skont it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: ir‑regolamenti, id‑direttivi u d-deċiżjonijiet li ma jkunux adottati bi proċedura leġiżlattiva, (l‑atti delegati (l‑Artikolu 290), l‑atti ta’ implimentazzjoni (l‑Artikolu 291) u l‑atti bbażati direttament fuq it‑Trattat (atti li jirreferu għal ftehimiet internazzjonali, deċiżjonijiet PESK, eċċ.)), kif ukoll atti oħrajn, bħal ma huma r‑rakkomandazzjonijiet u l‑linji gwida tal-BĊE.
L III — Atti oħrajn
Din l‑intestatura tkopri l‑"atti l‑oħrajn", bħal dawk taż-Żona Ekonomika Ewropea.