1.2.2. In-numerazzjoni tal-atti

Għajr għall-ftehimiet internazzjonali u r-rettifiki, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jassenja numru uniku lill-atti u lit-testil- oħra kollha.

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jipprovdi n-numerazzjoni.

Għajr għall-ftehimiet internazzjonali u r-rettifiki, l-atti u testi oħra kollha jirċievu numru. Dan in-numru huwa uniku u huwa jew parti mit-titolu jew imqiegħed fl-aħħar tat-titolu f’parentesijiet kwadri. Huwa jirrappreżenta wkoll in-numru tal-Ġurnal Uffiċjali li fih l-att jew test ieħor huwa ppubblikat.

Numerazzjoni

In-numru ta’ att hu magħmul minn tliet elementi, ippreżentati skont din l-ordni:

  • l-abbrevjazzjoni tal-qasam, imqiegħed bejn il-parentesijiet (“UE” għall-Unjoni Ewropea, “Euratom” għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, “UE, Euratom” għall-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, “PESK” għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni),
  • referenza għas-sena tal-pubblikazzjoni, magħmula minn erba’ ċifri,
  • in-numru sekwenzjali, ibbażat fuq sekwenza għal kull sena u li jkun fih numru ta’ ċifri kemm ikun meħtieġ:

(qasam) SSSS/N

NB:

Għal ċerti atti, in-numru assenjat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma jinkludix qasam u jitqiegħed f’parentesijiet kwadri fl-aħħar tat-titolu. Dan in-numru ma jitqiesx bħala parti mit-titolu u mhuwiex ikkwotat fir-referenzi tal-att ikkonċernat.

[SSSS/N]

info:
Qabel l-1 ta’ Jannar 2015

In-numerazzjoni tal-atti kien ivarja skont it-tip tal-att, u għadu jintuża fir-referenzi għal dawn l-atti.

Il-prinċipji ġenerali

  1. Meta n-numru sekwenzjali jiġi qabel is-sena, tintuża l-abbrevjazzjoni “Nru”:

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 16/2010

    Id-Deċiżjoni Nru 284/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    Madankollu, meta s-sena tiġi qabel in-numru sekwenzjali, l-abbrevjazzjoni “Nru” ma tintużax:

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/300/UE

  2. Is-sena għandu jkollha erba’ ċifri (kien ikun hemm tnejn qabel l-1 ta’ Jannar 1999):

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 23/1999

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/294/UE

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2820/98

NB:

L-abbrevjazzjonijiet li jirreferu għall-qasam inbidlu matul iż-żminijiet, hekk kif ġew adottati trattati ġodda u emendi għat-Trattati:

  • Qabel l-1 ta’ Novembru 1993: l-abbrevjazzjonijiet użati huma “KEE”, “KEFA” u “Euratom”.
  • Mill-1 ta’ Novembru 1993, (id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht): “KEE” saret “KE”. Jiżdiedu l-abbrevjazzjonijiet “ĠAI” (għal Ġustizzja u Affarijiet Interni), “PESK” (għal politika estera u ta’ sigurtà komuni) u “KSM” (għal konvenzjonijiet iffirmati bejn Stati Membri).
  • Mill-24 ta’ Lulju 2002 (wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA), “KEFA” ma baqgħetx tintuża.
  • Fl-1 ta’ Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, ġiet introdotta l-abbrevjazzjoni “UE”. L-abbrevjazzjoni “KE” ma għadhiex tintuża aktar. L-abbrevjazzjonijiet maħluqa wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sarulhom dawn it-tibdiliet: “PESK” baqgħet tintuża, filwaqt li “ĠAI” u “KSM” ma għadhomx jintużaw iktar.

Numerazzjoni

L-atti għandhom numru sekwenzjali assenjat minn wieħed mis-serje koeżistenti, u l-ordni tal-elementi jiddependi mit-tip ta’ att.

Regolamenti

Dawn l-atti huma numerati kif ġej: l-abbrevjazzjoni (fil-parentesijiet), segwit bin-numru sekwenzjali u s-sena:

Ir-Regolament (UE) Nru 641/2010

In-numerazzjoni tar-regolamenti evolviet matul iż-żmien. Id-diversi stadji huma:

  • mill-1952 sal-31 ta’ Diċembru 1962:

    Ir-Regolament Nru 17

  • mill-1 ta’ Jannar 1963 sal-31 ta’ Diċembru 1967 (ir-referenza għat-trattat/trattati rilevanti u s-sena ġew miżjuda man-numru):

    Ir-Regolament Nru 1009/67/KE

  • mill-1 ta’ Jannar 1968 (il-pożizzjoni tar-referenza għat-trattat inbidlet):

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1470/68

Direttivi

Għal direttivi, is-sena tkun segwita b’numru sekwenzjali u bl-abbrevjazzjoni:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE

Mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 2014, in-numru kien jiġi assenjat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Xi direttivi aktar qodma għandhom numru ordinali fit-titolu:

L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE

Deċiżjonijiet

Għal deċiżjonijiet ippubblikati taħt l-intestatura L I, in-numru sekwenzjali jiġi segwit mis-sena u l-abbrevjazzjoni:

Id-Deċiżjoni Nru 477/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Deċiżjonijiet adottati skont proċedura leġiżlattiva għandhom jingħataw numru mill-istess serje ta’ klassifikazzjoni ta’ dawk tar-regolamenti (id-Deċiżjoni Nru 477/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 478/2010, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 479/2010, eċċ.).

Għal deċiżjonijiet ippubblikati taħt l-intestatura L II, is-sena tiġi segwita min-numru sekwenzjali u l-abbrevjazzjoni:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/294/UE

Baġits

L-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali u tal-baġits emendatorji jkollhom numru jidher fil-werrej u fil-paġna tat-titolu (pereżempju, “2010/117/UE, Euratom”) imma mhux iċċitat fir-referenza.

Numerazzjoni doppja

Ċerti atti jista’ jkollhom żewġ numri:

  • in-numru attribwit mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, pereżempju “(UE) 2015/299”, u
  • numru assenjat mill-awtur, pereżempju “BĊE/2015/5”, “ATALANTA/4/2015”, eċċ.

Għal atti tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, in-numru mogħti mill-awtur jitqiegħed bejn il-parentesijiet fl-aħħar tat-titolu:

Ir-Regolament (UE) 2015/534 tal-Bank Ċentrali Ewropew […] (BĊE/2015/13)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/299 tal-Bank Ċentrali Ewropew […] (BĊE/2015/5)

Il-Linja gwida (UE) 2015/732 tal-Bank Ċentrali Ewropew […] (BĊE/2015/20)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2015/711 […] (ATALANTA/4/2015)

NB:

Id-deċiżjonijiet, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew ippubblikati qabel l-1 ta’ Jannar 2015 jiġu ċċitati biss bin-numru assenjat mill-awtur:

(4)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1975 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/39)(2) tirreferi għall-kompetenzi tal-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tal-Bank Ċentrali Ewropew(3). Id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tħassret bid-Deċiżjoni (UE) 2020/637 (BĊE/2020/24). […]

(2)
Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1975 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2016 dwar is-subdelega ta’ setgħat biex tingħata akkreditazzjoni provviżorja (BĊE/2016/39) (ĠU L 304, 11.11.2016, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1975/oj).
(3)
Id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2013 dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3 (ĠU L 57, 27.2.2014, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/106(3)/oj).

Għal ċerti atti, in-numru assenjat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma jinkludix qasam u jitqiegħed f’parentesijiet kwadri fl-aħħar tat-titolu. Dawn jinkludu: id-deċiżjonijiet tad-diversi kunsilli u kumitati maħluqa permezz ta’ ftehimiet internazzjonali, atti li jirrigwardaw iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE):

Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE […] [2015/1909]

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 159/2014 […] [2015/94]

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 226/17/COL […] [2018/564]

Ir-Regolament Nru 78 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) […] [2015/145]

info:
Qabel l-1 ta’ Jannar 2015

Atti li jirrigwardaw iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) għandhom biss numru assenjat mill-awtur.

Atti u testi oħrajn mhux numerati

Il-ftehimiet internazzjonali (ara t-Taqsima 1.2.3 “L II — Atti mhux leġiżlattivi”) u r-rettifiki mhumiex innumerati.

Fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali, l-Unjoni ma tistax unilateralment tagħti numru peress li hija biss waħda mill-partijiet għall-ftehim.

info:
Qabel l-1 ta’ Ottubru 2023

Flimkien ma' ftehimiet internazzjonali u rettifiki, id-dokumenti li ġejjin ma kinux ikunu numerati:

  • informazzjoni li għandha x’taqsam mad-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ ftehim internazzjonali, u
  • regoli ta’ proċedura.