10.1.1. Il-punt (.)
Il-punt normalment ma jinkitibx f’titolu, sottotitolu, kliem li qiegħed f’lista jew wara espressjonijiet li mhumiex sentenzi, u xogħlu fl‑aħħar tas-sentenza hu li juri t‑tmiem assolut tas-sentenza.
Il-punt normalment ma jinkitibx f’titolu, sottotitolu, kliem li qiegħed f’lista jew wara espressjonijiet li mhumiex sentenzi, u xogħlu fl‑aħħar tas-sentenza hu li juri t‑tmiem assolut tas-sentenza. Ara l‑appendiċi fl‑aħħar ta’ dan il‑ktejjeb.
“Eċċetra” għandu jkollha punt wieħed (eċċ.) meta tkun fit-tarf tas-sentenza u dan il‑punt jitqies bħala punt finali wkoll. L-eċċ. għandha tkun ippreċeduta minn virgola:
[…] kontra l‑importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru preparat jew priżervat, eċċ.
L-abbrevjazzjonijiet jiġu segwiti minn punt sakemm ma jispiċċawx bl‑ittra li tispiċċa biha l‑kelma oriġinali. Pereżempju, niktbu Nru (bla punt) għax Nru tispiċċa bl‑u bħalma tispiċċa l‑kelma oriġinali numru; l‑istess Dr, għax Dottor tispiċċa bir-r, iżda niktbu Art. (bil-punt) għax Artikolu tispiċċa bl‑u u mhux bit-t u allura nagħmlu punt biex nuru li l‑aħħar ittra f’dik l‑abbrevjazzjoni fil‑fatt mhix l‑aħħar ittra tal‑kelma oriġinali; para. (paragrafu), kap. (kapitolu), eż. (eżempju) u p. (paġna):
Ikkonsulta l‑Kap. 2, l‑Art. 7, para. 1 ta’ dan id‑dokument.
Qatt ma niktbu punt qabel punt interrogattiv jew punt esklamattiv, madankollu jista’ jkun hemm abbrevjazzjoni li tispiċċa b’punt qabel punt interrogattiv jew esklamattiv.
In-noti ta’ qiegħ il‑paġna dejjem jispiċċaw b’punt fl‑aħħar:
ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.