10.1.3. Il-punt u l‑virgola (;)

Meta jkollok serje ta’ temi jew lista li tkun twila u kkumplikata jew li tinvolvi punteġġatura interna, dawn għandhom jiġu separati bil-punt u l‑virgola għal raġunijiet ta’ ċarezza.

Meta jkollok serje ta’ temi jew lista li tkun twila u kkumplikata jew li tinvolvi punteġġatura interna, dawn għandhom jiġu separati bil-punt u l‑virgola għal raġunijiet ta’ ċarezza:

L-applikanti għandhom:

  1. ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE;
  2. ikollhom grad universitarju […] dottorat;
  3. ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza […] maniġerjali; […]

Nużaw il‑punt u l‑virgola biex nisseparaw partijiet importanti ta’ frażijiet li ma jkunux magħquda b’konġunzjoni (u, ukoll/wkoll, iżda, imma, jew, inkella) jew li jkun fihom virgola waħda jew iżjed:

L-Unjoni għandha timmira li tippromwovi l‑progress ekonomiku u soċjali […] skont id‑dispożizzjonijiet ta’ dan it‑Trattat; li tafferma l‑identità tagħha […] skont id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17; li ssaħħaħ il‑protezzjoni […] ta’ ċittadinanza tal-Unjoni; li żżomm u tiżviluppa l‑Unjoni bħala spazju ta’ libertà […] kontra l‑kriminalità; […]

Il-punt u l‑virgola jagħti wkoll dak id‑distakk bejn żewġ elementi indipendenti jew iżjed f’sentenza, illi kieku kienu waħedhom kienu jistgħu jagħmlu sens b’mod awtonomu u komplut iżda, mifrudin, jikkontribwixxu aħjar għas-sħuħija tas-sens tat‑test:

Ebda ftehim ma jorbot lil Stat Membru li r‑rappreżentant tiegħu fil-Kunsill jiddikjara li l‑Istat jeħtieġ jaderixxi mar-regoli tal-proċeduri kostituzzjonali tiegħu; il‑membri l‑oħra tal-Kunsill jistgħu jaqblu, madankollu, li l‑ftehim għandu japplika b’mod proviżorju.