10.1.8. Is-sing qasir (-)
Ir-regoli tas-sing qasir (-, hyphen) jimxu mar-regoli grammatikali tal-Malti u niktbuh fl‑artiklu, fin-numri bejn ħdax u dsatax u f’ċerti każijiet wara l‑kelma “kemm” biż-żieda tal-partiċella “-il”.
Ir-regoli tas-sing qasir (-, hyphen) jimxu mar-regoli grammatikali tal-Malti u niktbuh fl‑artiklu (eż. iz-zokkor, iċ-ċifra, is‑seduta, eċċ.), fin-numri bejn ħdax u dsatax (li jemenda għal ħdax-il darba […], perjodu massimu ta’ ħmistax-il xahar wara l‑adeżjoni […], it‑Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 1989 […]), f’ċerti każijiet wara l‑kelma “kemm” biż-żieda tal-partiċella “-il” (eż. jekk kemm-il darba l‑liġi nazzjonali […], jinżammu responsabbli kemm-il darba l‑prodott finalizzat […]).
Is-sing qasir jintuża wkoll f’bosta ismijiet ta’ pajjiżi, ftehimiet, summits, strateġiji, eċċ.
EU-27
Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE
Summit UE-LAC
Strateġija Konġunta UE-Afrika