10.1.9. Is-sing twil (—) (–)

Iż-żewġ tipi ta’ sing twil huma l-em dash (—) u l-en dash (–).

Hemm żewġ tipi ta’ sing twil li jintużaw għal skopijiet differenti:

a) em-dash, — (Alt 0151): dan is-sing twil għandu l-irwol li jdaħħal fit-test kunċett sekondarju, iżda li jimxi id f’id mal-kunċett ewlieni tas-sentenza billi jkollu rabta tematika mill-qrib mal-bqija tas-sentenza:

Il-partijiet kontraenti għolja — waqt li jixtiequ jagħtu dettalji iktar kompleti dwar is-sistema ta’ negozju applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ prodotti petrolifiċi irfinati fl-Antilles Olandiżi — ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet […]

Is-sing twil jintuża wkoll biex jippreżenta l-elementi differenti f’lista, kif ukoll biex jindika data nieqsa fil-listi jew fit-tabelli.

b) en-dash, – (Alt 0150): dan is-sing twil jintuża biex jindika sensiela ta’ paġni jew firxa ta’ snin. Jintuza wkoll bħala simbolu matematiku (minus) biex jindika kwantità negattiva:

pp. 12–28 (fil-ĠU p. 12–28)

2009–10 (iżda 1999–2010)

– 2 °C

– 10 %