10.2.1. Indikazzjonijiet dwar l‑ortografija
Kif jissawwar il‑Malti, bl‑għeruq fis-Semitiku u kif integra miegħu elementi Rumanzi u Anglosassoni.
Il-bażi tal‑Malti huwa s-Semitiku. Iżjed tard il‑Malti beda jiġi influwenzat ħafna mill-Isqalli, it‑Taljan, u riċentement l‑Ingliż ukoll. Peress li dawn kollha ġejjin minn familji lingwistiċi totalment differenti li flimkien jiffurmaw il‑Malti, importanti li nżommu f’moħħna li r‑regoli bażiċi tas-Semitiku, tar-Rumanz u tal‑Ġermaniku ma jistgħux jintużaw kif ġieb u laħaq.
Is-Semitiku jimxi skont l‑għerq (trilitteru jew kwadrilitteru): eż. fittex, għażel, fehem u oħrajn. L-għerq jinstab billi wieħed jistaqsi “Huwa x’għamel?” fl‑ewwel forma; għaldaqstant l‑għerq ta’ dawn il‑verbi huma f-t-x, għ-ż-l u f-h-m. Kull kelma mnissla minnhom, għandha żżomm is‑sekwenza tal‑ittri tal‑għerq, jiġifieri fittixtilhom, fittixnihomlhom, għażilt, agħżel, fehemhielha, fehma, eċċ.
Ir-Rumanz u l‑Ġermaniku għandhom sistema kompletament differenti. Dawn iż-żewġ familji lingwistiċi jimxu skont iz-zokk morfemiku u kull kelma mnissla minnhom tinbena billi jiżdiedu l‑prefissi jew is‑suffissi maz-zokk morfemiku. Bħala regola, iz-zokk morfemiku ma jintmissx. Hekk pereżempju:
żvilupp:niżviluppa, żviluppajna, żviluppaturi, żviluppat
integra:integrazzjoni, nintegraw, diżintegrat
informa:informajtek, informattiv, ma informajtux
L-ittri taz-zokk morfemiku mhux biss ma jibdlux il‑pożizzjoni, iżda ma jistgħux jaqgħu anki jekk jaħbtu wara kelma b’vokali, għas-sempliċi raġuni li l‑ittri kollha taz-zokk morfemiku huma importanti għall-fehim tat‑tifsira tagħha:
Ir-riżoluzzjoni tal‑PE hija parti integrali […](u mhux parti ntegrali)
Proposta biex tiġi użata iktar forza […](u mhux tiġi wżata)
[…] dwar l‑informazzjoni inkluża […](u mhux informazzjoni nkluża)
[…] ta’ impjieg temporanju bi ħlas […](u mhux ta’ mpjieg/ta’ mpieg)
[…] l‑approprjazzjoni hija intiża sabiex […](u mhux hija ntiża)
Tajjeb inżommu f’moħħna wkoll li l‑prefissi in, im, il (u oħrajn) ma jintmessux lanqas għax dawn huma fissi. Hekk per eżempju:
[…] kwalunkwe attività illegali […](u mhux attività llegali)
[…] wasalna indirettament […](u mhux wasalna ndirettament)
Ġbir ta’ numru insuffiċjenti ta’ kampjuni […](u mhux numru nsuffiċjenti)