10.3. L-ittri kapitali u l‑ittri ż-żgħar

Ir-regola ewlenija għad-differenza bejn jekk wieħed jiktibx il‑kelma b’ittra kapitali jew żgħira hija jekk it‑tifsira tal-kelma nnifisha fil-kuntest tkunx f’sens ġenerali jew speċifiku.

Tużax l‑ittri kapitali b’abbundanza. Fi ċrieki kummerċjali u amministrattivi l‑ittri kapitali ħafna drabi jintużaw iżjed milli suppost. Meta tiġi fid-dubju uża l‑ittri ż-żgħar.

Ir-regola ewlenija għad-differenza bejn jekk wieħed jiktibx il‑kelma b’ittra kapitali jew żgħira hija jekk it‑tifsira tal-kelma nnifisha fil-kuntest tkunx f’sens ġenerali jew speċifiku. L‑ittri kapitali jintużaw meta jkun hemm sens speċifiku. Dawn li ġejjin huma xi eżempji:

  1. innota d‑differenza bejn: id‑Direttur Ġenerali tal-Microsoft qal […] u l‑pożizzjoni ta’ direttur ġenerali hija pożizzjoni għolja […]. L‑ewwel waħda għandha sens partikolari/speċifiku, tat‑tieni għandha sens ġenerali. Il-Membru Parlamentari, is‑Sur D. Casa […]; iżda l‑membri parlamentari ddibattew bil-ħerqa […]. L‑Espert Nazzjonali Sekondat tal-Greċja wissa […]; iżda l‑kariga ta’ espert nazzjonali sekondat hija kariga temporanja;
  2. l-ittri kapitali juru isem proprju: is‑Sinjura Sant hija traduttriċi; is‑Sur Pisani laħaq president;
  3. titolu jew isem ta’ kariga li jirreferi għal persuna partikolari jinkiteb b’ittra kbira: l‑Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑Arċisqof Pawlu Cremona. L‑ewwel ittra ta’ titolu mqassar tinkiteb dejjem kbira: is‑Sur Pawlu Vella, Dr Mario Mifsud, il‑Prof. Charles Grima;
  4. il-partijiet ta’ ismijiet ġeografiċi jew diviżjonijiet politiċi: il‑Gżejjer Solomon, iżda l‑gżejjer Ewropej; l‑Afrika t’Isfel iżda l‑qgħad naqas fin-naħa t’isfel tal-Italja. L‑aġġettiv li jitnissel mill-isem tal-post jinkiteb b’ittra kbira: ir‑reġjun Bask mimli siġar;
  5. l-isem tan-nies tal-post, l‑ismijiet tal-lingwi u tal-familji tal-lingwi jinkitbu b’ittra kbira: Maltija, Ewropew, il‑Malti, l‑Ingliż, ir‑Rumanz;
  6. fl-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċi, l‑ewwel kelma (il‑ġenus) tinkiteb dejjem b’ittra kbira, filwaqt li t‑tieni kelma (l‑ispeċi) tinkiteb dejjem b’ittra żgħira: il‑Pistacia lentiscus, il‑Monticola solitarius; iżda ismijiet popolari tal-flora, il‑fawna, l‑elementi kimiċi, eċċ. jinkitbu b’ittri żgħar: l‑oleandru, il‑pitirross, l‑aluminju;
  7. l-ismijiet proprji ta’ istituzzjonijiet u għaqdiet internazzjonali: il‑Kummissjoni, iżda xi kumitati waqqfu kummissjoni; il‑Parlament Spanjol iżda l‑parlamenti kollha Ewropej huma eletti demokratikament; il‑Gvern Malti iżda kwalunkwe gvern huwa mistieden;
  8. id-denominazzjonijiet ta’ partiti, movimenti, għaqdiet u reliġjonijiet jinkitbu b’ittra kbira: il‑Partit tal-Ħodor iżda l‑partiti politiċi Ewropej; il‑Grupp Soċjalista, il‑Partit Demokristjan, is‑Soċjalisti, id‑Demokristjani, il‑Barokk, l‑Iżlam;
  9. fit-titoli l‑ewwel ittra biss tkun kapitali: Il-leġiżlazzjoni dwar il‑frott, Żona ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja, L‑ambitu tal-applikazzjoni, Proċedura ta’ kumitat;
  10. l-ismijiet tal-jiem, ix-xhur, u l‑warda tal-irjieħ jinkitbu b’ittri kbar: il‑Ħamis, Novembru, ir‑riħ ġej mil-Lvant b’imbatt mix-Xlokk, Lvant Nofsani, l‑ekonomija tal-ex Ġermanja tal-Punent;
  11. l-ismijiet tal-istaġuni u s-sekli jinkitbu b’ittri żgħar: ir‑rebbiegħa, il‑ħarifa, mis-seklu dsatax sas-seklu wieħed u għoxrin;
  12. l-isem tal-muniti jinkiteb b’ittra żgħira: tliet euro, lira sterlina, dollaru Amerikan;
  13. ir-referenzi għal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni: ikteb Regolament, Deċiżjoni, Direttiva, Anness u Artikolu (segwiti bin-numru rispettiv) bl‑ewwel ittra kapitali jekk dawn qed jirreferu għal atti speċifiċi tal-Unjoni; iżda uża ittri żgħar għal referenzi lejn direttivi, regolament/i, eċċ. f’sens ġenerali u meta qed tirreferi għal abbozz leġiżlattiv (jew fi kliem ieħor: abbozz ta’ regolament jew deċiżjoni);

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2007 tal-1 ta’ Frar 2007 […]

    Huma diversi regolamenti u direttivi li jillimitaw l‑aċċess għall-[…]

  14. l-ismijiet sħaħ ta’ konferenzi, konvenzjonijiet, eċċ.: […] dwar il‑Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2006 tal-Konvenzjoni dwar l‑Armi Bijoloġiċi, […] rigward il‑Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id‑Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità;
  15. ir-rapporti u pubblikazzjonijiet importanti tal-Unjoni: Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali, ir‑Rapport Ġenerali għall-2007, […] dwar ir‑Rapport Annwali 2005 tal-Qorti tal-Awdituri, […] fuq il‑Programm dwar l‑Attivitajiet tal-EURES; iżda […] il‑ħtieġa għal rapport ta’ espert indipendenti, jeżistu ħafna programmi ta’ għajnuna […].