10.4. In-numri, id-dati u l-ħin

Kif għandhom jinkitbu n-numri fil-kuntesti differenti li niltaqgħu magħhom fit-testi għall-pubblikazzjoni.

In-numri minn wieħed sa disgħa għandhom jinkitbu fi kliem, filwaqt li minn 10 ’l fuq għandhom jinkitbu f’ċifri. Meta jkollok numri iżjed u inqas minn 10 flimkien, ikteb iċ-ċifri:

minn 5 sa 14 (mhux minn ħamsa sa 14)

Meta numru li jinkiteb f’ċifri jieħu t-t marbuta, it-t marbuta tiġi pronunzjata imma ma tinkitibx:

5 104 idjar tkissru fil-maltemp

Iċ-ċifri jinkitbu dejjem sabiex nippreċiżaw espressjonijiet matematiċi, kejl metriku, dati, kodiċi postali, numri ta’ paġni, paragrafi u artikoli, kif ukoll f’testi xjentifiċi u storiċi.

Madankollu, japplikaw l-eċċezzjonijiet li ġejjin:

  1. uża l-abbrevjazzjoni Nru (singular) u Nri (plural). Qatt tagħmel punt wara l-abbrevjazzjoni Nru jew Nri; Nru u Nri għandhom ikunu segwiti minn ċifri u mhux minn numru miktub bħala kelma eż.: Iż-żiemel Nru 1 wasal fit-tielet post. L-istudenti kandidati Nri 2, 3, u 6 weħlu mill-eżami;
  2. in-numri ordinali jsegwu l-istess proċess ta’ hawn fuq: fis-seklu sebgħa, fis-17-il seklu;
  3. iċ-ċifri jiġu dejjem qabel kwantitajiet jew kwalunkwe forma oħra ta’ kejl u dejjem qabel abbrevjazzjoni: 6 kg, 7 snin, 14-il metru, 10 000 rapport, 12-il °C;
  4. somom: EUR 2 000 000, 50 000 tunnellata. Id-deċimali imperjali (u kif dejjem tgħallimniehom Malta) ma jintużawx fil-kuntest legali Ewropew. Fil-Ġurnal Uffiċjali, sabiex ikun hemm konkordanza bejn it-testi multilingwi kollha tintuża l-forma Ewropea, għaldaqstant niktbu 20 000 mhux 20,000; 2,50 mhux 2.50 (ara t-Taqsima 6.5); 1 000 000 mhux 1,000,000. F’numri kbar il-virgoli huma mibdula bi spazji ċkejkna bejn in-numri. Dan japplika biss għall-kuntest legali. Meta t-test ikun ta’ natura soċjali għandhom jintużaw id-deċimali lokali;
  5. biljun ifisser 1 000 miljun. Sabiex ma tinħoloqx ambigwità, maġenb l-ewwel okkorrenza tal-kelma biljun ikteb 1 000 miljun fil-parentesi. Evita l-kelma miljard;
  6. il-frazzjonijiet qatt ma nżidulhom sing fin-nofs: żewġ terzi tal-kamra, tliet kwarti tal-ħin;
  7. persentaġġi: 15 % (meta jkollok numru uża s-sinjal tal-persentaġġ bi spazju fiss bejnu u bejn in-numru — control, shift, space bar), iżda meta jkollok kliem ikteb fil-mija, pereżempju, sebgħin fil-mija qalu; fl-istatistika, iżjed milli f’każijiet oħrajn, kull deċimu, anki jekk żero, iżid fil-preċiżjoni: 3.5 % mhux l-istess bħal 3.50 % jew 3½ %. Il-frazzjoni hija aktar approssimattiva. Kun af id-distinzjoni bejn % u punti ta’ persentaġġ;
  8. il-paġni: p. 250; p. 22. Meta għandek p. 31–5, oqgħod attent għax dan jista’ jfisser minn paġna 31 sa 35, jew minn 31 sa 5, speċjalment meta jkunu dokumenti xjentifiċi. Ikteb minn 50 sa 100 jew 50–100 iżda tikteb qatt minn 50–100. Meta tkun qed tirreferi għal iżjed minn paġna waħda agħmel pp. 29–39 (Iżda mhux f’atti leġiżlattivi għax fil-ĠU tintuża dejjem “p.” fil-lingwi kollha minħabba raġunijiet ta’ konsistenza.);
  9. meta numru jibda sentenza dan għandu jinkiteb sħiħ. Evita li tibda sentenzi bis-sena: eż. minflok 1992, ikteb Fl-1992 il-Kunsill […];
  10. id-dati fit-test għandhom dejjem ikunu fil-forma sħiħa tagħhom: […] u fid-9 ta’ Marzu 2007, il-Parlament […], iżda fin-noti ta’ qiegħ il-paġna dan mhux il-każ. Fin-noti ta’ qiegħ il-paġna d-dati jinkitbu dejjem fil-qosor: 9.3.1979, u mhux 9.3.79 la tad-9.3.1979 u lanqas 09.03.1979;
  11. il-ħin: jintużaw kemm is-sistema Amerikana (24 siegħa (1400, 1932)), kif ukoll is-sistema Latina (a.m. u p.m.); eż. 17.30 (mingħajr h jew hrs) u 5.30 p.m. huma t-tnejn tajbin (innota l-ispazju bejn iż-żero u l-p.m.); il-ħin eżatt jinkiteb bl-użu taż-żeri inklużi: 14.00 (2 p.m.); hemm każijiet fejn 12.00 tinkiteb nofsinhar u 24.00 tinkiteb nofsillejl;
  12. ċifri li tridhom magħqudin bl-ispazju mal-kelma jew is-sillaba ta’ qabel għandom ikunu ppreċeduti bi spazju fiss (control, shift, space bar). Dan jgħodd ukoll għad-dati. eż. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 96/102 (spazju fiss qabel is-96); is-17 ta’ Mejju 2007 (spazju fiss bejn 17 u ta’, bejn ta’ u Mejju u bejn Mejju u 2007);
  13. innota li fil-każijiet li ġejjin, in-numri minn 1 sa 9 m’għandhomx jinkitbu fi kliem: sekondi, minuti, sigħat, ġranet/jiem, ġimgħat, xhur, snin. Imma fil-każ ta’ deċennji u sekli: żewġ deċennji, tliet sekli.