10.6. Il-korsiv
Il-ħames każijiet fejn jintuża l‑korsiv.
L-użu tal-korsiv huwa ristrett għal:
- l-isem sħiħ tal-Ġurnal Uffijali:
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
- titoli ta’ kotba, films, perjodiċi u oħrajn. Peress li ħafna drabi l‑isem ta’ affarijiet bħal dawn ikun bl‑Ingliż, u ħafna drabi t‑traduzzjonijiet għall-Malti jsiru mill-Ingliż, tajjeb li ninnutaw li jekk l‑isem ta’ xi ktieb ikun bl‑Ingliż faċilment joħloq konfużjoni fil-moħħ tal-qarrej fit-test Ingliż stess, speċjalment jekk il‑qarrej ma jkunx familjari mat-test. Għaldaqstant it‑tradutturi Ingliżi spiss jagħmlu dawn l‑ismijiet bejn il‑virgoletti, iżda ladarba t‑test jinqaleb għall-Malti u l‑isem jibqa’ bl‑Ingliż il‑virgoletti mhemmx għalfejn jintużaw;
- kliem Latin:
ad hoc, ad infinitum, ad interim, ad litem, ad litteram, ad valorem, de facto, de iure, de minimis, ex ante, ex post, inter alia, litis denutatio, mutatis mutandis, per capita, prima facie, res iudicata, status quo, sui generis
Kliem li ġej mill-Ingliż jew mill-Franċiż ma jinkitibx korsiv.
- l-ismijiet xjentifiċi bil-Latin ta’ flora u fawna;
- il-formuli matematiċi; fil-formoli matematiċi għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn l‑ittra l u n-numru 1, bejn l‑ittra kapitali O u n-numru 0 u bejn in‑numru Ruman I u l‑ittra kapitali I.
L-ismijiet ta’ nies, pajjiżi, istituzzjonijiet, kumpaniji, ismijiet ta’ prodotti, postijiet u żoni ma jinkitbux korsiv.