10.7. L-abbrevjazzjonijiet u l‑akronimi
Kif għandhom jinkitbu l‑abbrevjazzjonijiet u l‑akronimi f’testi għall-pubblikazzjoni.
Innota d‑differenza bejn abbrevjazzjoni propja, fejn l‑aħħar parti tal-kelma hija maqtugħa (bħal pereżempju, vol., ink., kont.), u t‑tip ta’ abbrevjazzjoni l‑oħra fejn insibu sospensjoni tal-ittri fin-nofs minbarra l‑ewwel u l‑aħħar ittra (bħal pereżempju, Dr, Ltd). Dawn tal-aħħar dejjem jinkitbu mingħajr il‑punt finali filwaqt li fl‑oħrajn iżommuh.
Akronimu huwa kelma ffurmata mill-ittri inizjali ta’ kelmiet oħra (NATO, Unesco) u bħala prinċipju ġenerali, fl‑akronimi ma nagħmlux punt bejn il‑kapitali. L‑akronimi għandhom jiġu evitati jekk it‑tifsira tagħhom mhix ċara jew magħrufa. Sabiex ikunu ċċarati, wieħed għandu jispjega l‑akronimu fl‑ewwel okkorrenza tiegħu u jżid l‑akronimu fil-parentesi fl‑aħħar. Inkella wieħed jista’ jagħmel lista tal-abbrevjazzjonijiet li l‑qarrej se jsib fid-dokument fil-paġna ta’ wara l‑werrej:
Dikjarazzjoni tad-dħul u l‑infiq taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2007
Sabiex jiffaċilita l‑konkordanza bejn it‑testi multilingwi, l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet adotta dawn iż‑żewġ regoli għal‑lingwi tal-Unjoni kollha:
- akronimu jew abbrevjazzjoni, inklużi l‑ismijiet ta’ programmi, b’sitt ittri jew iżjed li jinqraw bħala kelma jinkitbu b’ittra kapitali fil-bidu u l‑bqija ittri żgħar (Unesco, Esprit);
- akronimu jew abbrevjazzjoni, inklużi l‑ismijiet ta’ programmi, b’ħames ittri jew inqas minn ħames ittri jinkitbu kapitali (ŻEE, UE, AIDS, KEFA).