10.8. Mixxellanji

Xi punti interessanti oħra.

Evita l-użu tas-sinjal § li fl-Ingliż ifisser taqsima u f’lingwi oħra jfisser paragrafu.

Evita l-użu tal-aferesi f’testi legali: ma għandu mhux m’għandu, ta’ April mhux t’April, ta’ importanza mhux t’importanza, għal darba oħra mhux għal darb’oħra.

F’punti ta’ lista nużaw l-ittri tal-alfabett Ingliż (a, b, c, d, e, f, g, h, i, j, k, l, m, n, o, p, q, r, s, t, u, v, w, x, y, z, aa, bb, cc, dd, ee, ff, eċċ.) għax fil-liġi Maltija jintużaw l-ittri tal-alfabett Ingliż.

Meta għandek artiklu qabel akronimu, l-artiklu dejjem jimxi skont il-ħoss tal-kelma, pereżempju, is-CEPOL, l-EUROPOL, is-SAPARD, il-PESD, is-SEBĊ, id-WTO.

Meta għandek kelma/frażi b’ġens newtrali (eż.: Official — Uffiċjal, Person — Persuna) il-kliem li jsegwi dik il-kelma/frażi ma hemmx għalfejn ikun jirreferi kemm għall-maskil u kemm għall-femminil (the official may apply for parental leave — l-uffiċjal jista’ japplika għal-liv tal-ġenituri (minflok l-uffiċjal j/tista’ j/tapplika), the appointed person shall act — il-persuna maħtura għandha taġixxi (minflok għandu/ha j/taġixxi)).