11. Xogħlijiet ta’ referenza

Konsistenza fl‑ortografija u stil standard ta’ preżentazzjoni għal xogħlijiet tal-UE huma essenzjali; fid-dawl ta’ dan, l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jirreferi għall-aħħar edizzjonijiet tal-pubblikazzjonijiet elenkati hawn.

L-attenzjoni għall-konsistenza fl‑ortografija u l‑preżentazzjoni tat‑test hija importanti, u għandu jsir kull sforz sabiex ir‑regoli bażiċi tal-Malti jiġu osservati anki fix-xogħol tradott. Dan għandu jgħin biex jillimita u jnaqqas konsiderevolment il‑varjazzjonijiet u nuqqasijiet oħra li jistgħu joħolqu konfużjoni lill-qarrej jew lil min ikun qed ifittex ix-xogħol ippubblikat.

Minħabba l‑irwol interistituzzjonali tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jeħtieġ li jkun hemm standard stilistiku tal-Unjoni komuni bejn l‑awturi kollha. Għaldaqstant, l‑Uffiċċju jirreferi għat-Tagħrif tal-Akkademja bħala s‑sors ta’ referenza ewlenija fil-liġi Maltija u għall-aħħar ħarġiet ta’ pubblikazzjonijiet oħra meta jkun qed jaħdem fuq dokumenti bil-Malti:

Filwaqt li t‑Tagħrif fuq il‑Kitba Maltija II (li jinkludi t‑Tagħrif, iż-Żieda u l‑Aġġornament) jibqa’ s‑sors uffiċjali, wieħed jista’ jikkonsulta wkoll il‑pubblikazzjonijiet li ġejjin sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mat-Tagħrif u dment li ma jiġix indikat mod ieħor mill-Kunsill tal-Malti:

  • Agius Albert W., It-Teżawru, Ħal Tarxien, Gutenberg Press, 2000,
  • Aquilina Joseph, Concise Maltese — English, English — Maltese Dictionary, Malta, Midsea Books Ltd., 2006,
  • Aquilina Joseph, English — Maltese Dictionary Vol. 1 - 4, Malta, Midsea Books Ltd., 1999,
  • Aquilina Joseph, Maltese — English Dictionary Vol. 1 & 2, Malta, Midsea Books Ltd., 1999,
  • Azzopardi Carmel, Gwida għall-Ortografija, Sta Venera, Klabb Kotba Maltin, 2003/2007,
  • Bugeja Pawlu, Kelmet il‑Malti, Il-Marsa, Grima Printing & Publishing Industries, 1999,
  • Cachia Lawrence, Grammatika Ġdida tal-Malti, Ħaż-Żabbar, Veritas Press, 1994,
  • Cassar Emmanuel u Calleja David, Dizzjunarju Malti — Ingliż, L‑Imġarr, Colour Image Malta, 1998,
  • Schembri Ludovik, Vokabularju Malti Ingliż Taljan, L‑Imġarr, Colour Image Malta, 1997,
  • Serracino Inglott Mario, Id-Dizzjunarju Malti u Teżawru ta’ Malti Mħaddem, Ħal Tarxien, Gutenberg Press, 2003.