2.1. It-titolu

It-titolu sħiħ ta’ att ikun fih: it‑tip ta’ att, in‑numru, isem l‑awtur tal‑att, id‑data tal‑adozzjoni u s-suġġett.

It-titolu sħiħ ta’ att ikun fih:

  • it-tip ta’ att (regolament, direttiva, eċċ.),
  • in-numru (jiġifieri, l‑abbrevjazzjoni(jiet) li japplikaw (“UE”, “Euratom”, “UE, Euratom”, “PESK”), is‑sena u n-numru sekwenzjali tal‑att),
  • l-isem l‑awtur tal‑att,
  • id-data tal‑adozzjoni (id-data tal‑firma tal‑atti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill),
  • is-suġġett,
  • fl-atti b’numerazzjoni doppja, in‑numru assenjat mill-awtur (ara t‑Taqsima 1.2.2, “Numerazzjoni doppja”).

Ir-regoli li għandhom jiġu segwiti biex issir referenza għal titolu huma elenkati fit-Taqsima 3.2.

Jekk it‑titolu ta’ xi att jiġi emendat b’att ieħor jew huwa s-suġġett ta’ rettifika, it‑titolu emendat jew ikkoreġut, minn hemm ’il quddiem, għandu jiġi dejjem iċċitat.

NB:

Fl-ewwel paġna ta’ att, it‑terminu “kodifikazzjoni” jew “riformulazzjoni” jista’ jidher taħt it‑titolu. Dan it‑terminu, dejjem b’ittri żgħar u b’tipa grassa, jitqiegħed taħt it‑titolu, fil‑parentesi. Ma jissemmiex fir‑referenzi għall-att inkwistjoni.