2.4. Il-formula tal-kwalità obbligatorja tar-regolamenti

Formula li tiddefinixxi l‑karattru obbligatorju tar-regolamenti, bi preżentazzjoni tipografika speċjali, issegwi l‑artikolu finali.

Fir-regolamenti, wara l‑artikolu finali, tintuża din il‑formula:

Dan ir‑Regolament għandu jorbot fl‑intier tiegħu u japplika direttament fl‑Istati Membri kollha.

jew

Dan ir‑Regolament għandu jorbot fl‑intier tiegħu u japplika direttament fl‑Istati Membri skont it‑Trattati.
(Din il‑formula tintuża meta r‑regolament ma japplikax għal u fl-Istati Membri kollha (pereżempju, Stati Membri li l‑munita tagħhom mhix l‑euro (ara, pereżempju, ir‑Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), kooperazzjoni mtejba, eċċ.)).

Din is‑sentenza ma tiffurmax parti mill-aħħar artikolu u ssegwi preżentazzjoni tipografika speċjali. Titpoġġa apparti u fiċ-ċentru, f'wisa' ta' test iqsar mit-test tal-artikoli.