3.2.1. Il-forom tat‑titolu

It-titolu ta’ att jista’ jieħu żewġ forom: it‑titolu sħiħ (li fih it‑tip ta’ att, in‑numru, l‑isem tal-awtur, id‑data tal-adozzjoni u s-suġġett) jew it‑titolu qasir (li fih it‑tip ta’ att, in‑numru u, meta ċċitat għall-ewwel darba, l‑isem tal-awtur).

It-titolu ta’ att jista’ jkollu żewġ forom: titolu sħiħ jew titolu mqassar.

Meta att jissemma għall-ewwel darba fit-test ta’ att ieħor, jingħata t-titolu sħiħ, u r‑referenza għall-Ġurnal Uffiċjali li kien ippubblikat fih tingħata dejjem f’nota ta’ qiegħ il‑paġna. Fil-konsiderazzjonijiet, it‑titolu sħiħ jissemma fil-kontenut tat‑test, filwaqt li fil-premessi, fl‑artikoli u fl-annessi jingħata fin-nota ta' qiegħ il‑paġna.

Fir-referenzi ta’ wara ta’ att li ssemma qabel, jintuża t-titolu mqassar, mingħajr ma jissemma l‑awtur jew ir‑referenza għall-Ġurnal Uffiċjali.

It-titolu sħiħ

Il-komponenti tat‑titolu sħiħ ta’ att huma:

  • it-tip ta’ att (regolament, direttiva, eċċ.),
  • in-numru (jiġifieri, l‑abbrevjazzjoni(jiet) li japplikaw (“UE”, “Euratom”, “UE, Euratom”, “PESK”), is‑sena u n-numru sekwenzjali tal-att),
  • l-isem l‑awtur tal-att,
  • id-data tal-adozzjoni (id-data tal-firma tal-atti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill),
  • is-suġġett,
  • fl-atti b’numerazzjoni doppja, in‑numru assenjat mill-awtur (ara t‑Taqsima 1.2.2, “Numerazzjoni doppja”).

L-ordni ta’ dawn il‑komponenti tvarja skont il‑lingwa. Fil-Malti, il‑komponenti tat‑titolu sħiħ ma jiġux separati b’virgoli.

It-titolu sħiħ jingħata dejjem b’referenza għall-Ġurnal Uffiċjali li fih kien ippubblikat l‑att. Fil-konsiderazzjonijiet, it‑titolu sħiħ jingħata fit-test u r‑referenza tingħata f’nota ta’ qiegħ il‑paġna:

Wara li kkunsidrat ir‑Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 fuq il‑miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji(1) […]

(1)
ĠU L 83, 27.3.2015, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/476/oj.

Meta att jissemma għall-ewwel darba fi premessa, f’Artikolu jew f’Anness, it‑titolu sħiħ tiegħu jingħata f’nota ta’ qiegħ il‑paġna flimkien mar-referenza tal-Ġurnal Uffiċjali:

(14)
Hu kkunsidrat li t‑transazzjonijiet ta’ finanzjament tat‑titoli, kif definiti fir-Regolament (UE) 2015/2365 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2), ma jikkontribwixxux għall-proċess ta’ identifikazzjoni tal-prezz […]
(2)
Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it‑trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat‑titoli u l‑użu mill-ġdid u li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1,ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2365/oj).
NB:

Il-konsiderazzjoni tat‑titolu sħiħ tinkludi kull kelma li fih it‑titolu, fosthom “li jemenda…” jew “u jħassar…”, iżda mhux il‑kliem ta’ taħt it‑titolu: “kodifikazzjoni”, “riformulazzjoni”, eċċ.

It-titolu mqassar

It-titolu mqassar jintuża fil-premessi, fl‑Artikoli u fl-Annessi. Il-komponenti tiegħu huma:

  • it-tip ta’ att,
  • in-numru (jiġifieri, l‑abbrevjazzjoni(jiet) li japplikaw (“UE”, “Euratom”, “UE, Euratom”, “PESK”), is‑sena u n-numru sekwenzjali tal-att),
  • isem l‑awtur tal-att, meta ssemma l‑ewwel darba,
  • fl-atti b’numerazzjoni doppja, in‑numru assenjat mill-awtur (ara t‑Taqsima 1.2.2, “Numerazzjoni doppja”).
(45)
L-annimali ta’ razza pura għat-tnissil li jiddaħħlu fil-kotba tat‑tnissil għandhom ikunu identifikati bi qbil mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2).

[…]

(2)
Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il‑mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is‑Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).

It-titolu mqassar mingħajr l‑awtur u mingħajr in‑nota ta’ qiegħ il‑paġna jintuża għar-referenzi ta’ wara tal-att li diġà ssemma:

(46)
Fil-każ ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina, ir‑Regolament (UE) 2016/429 li l‑awtoritajiet kompetenti […]
NB:

Meta jissemma att delegat jew ta’ implimentazzjoni bi preċiżjoni, b’titolu sħiħ tiegħu jew bit-titolu mqassar tiegħu, l‑indikazzjoni tat‑tip ta’ att dejjem ikun fiha t‑terminu “Delegat” jew “ta’ Implementazzjoni”:

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat b’konformità mal‑Anness II ta’ dan ir‑Regolament.

Min-naħa l‑oħra, l‑indikazzjoni tat‑tip ta’ att ma tinkludix it‑terminu “Delegat” jew “ta’ Implementazzjoni” meta fit-test tal-att issir referenza għal, pereżempju: “Adottat dan ir‑Regolament”, “l-Anness ta’ dan ir‑Regolament”, “Din id‑Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri”, “l-Artikolu 2 ta’ din id‑Deċiżjoni”, eċċ.