3.2.2. Ir-referenza għal atti oħrajn
Ir-referenza għal att ieħor tvarja skont il‑post tal‑kwotazzjoni — kemm jekk issir f’titolu, fi kwotazzjonijiet jew fi premessi, artikoli u annessi.
Fit-titolu
It-titolu ta’ att qatt ma jkun fih it‑titolu sħiħ ta’ att ieħor. Fin-noti ta’ qiegħ il‑paġna qatt ma ssir referenza għat-titolu ta’ att ieħor.
Data
Normalment ma tissemmiex id‑data tal‑att imsemmi:
Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 127/2010 tal‑5 ta’ Frar 2010 li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 2042/2003 (ma tissemmiex id‑data) dwar il‑kapaċità kontinwata li jintużaw fl‑ajru [navigabbiltà] ta’ inġenji tal‑ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l‑approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol
Id-data tissemma biss meta ma jkunx hemm numru attribwit għall-att:
Deċiżjoni tal‑Kunsill 2008/182/UE tal‑25 ta’ Frar 2008 li temenda d-Deċiżjoni tal‑Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1980 li tistabbilixxi l‑Kumitat Konsultattiv għall-Programm tal‑Fużjoni
Regolament tal‑Kummissjoni 2005/769/KE tas-27 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi regoli dwar il‑ksib ta’ għajnuna f’ikel mill-NGOs awtorizzati mill-Kummissjoni biex jixtru u jimmobilizzaw prodotti li għandhom jiġu forniti skont ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1292/96 u li tabbroga d-Deċiżjoni tagħha tat‑3 ta’ Settembru 1998
L-awtur
L-awtur tal‑att imsemmi għandu jissemma biss jekk l‑awtur ikun differenti:
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/281 tas-26 ta’ Novembru 2014 li jissostitwixxi l‑Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar il‑ġuriżdizzjoni u r‑rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali
Madankollu biex jiġu evitati ċerti forom ibridi mhux ċari, meta jissemmew bosta atti ta’ awturi differenti, ir-referenza ssir dejjem għall-awturi rispettivi tagħhom (anki jekk dan ikun ifisser li jrid jittenna isem l‑awtur tal‑att imsemmi), pereżempju:
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 86/2010 tad-29 ta’ Jannar 2010 li jemenda l‑Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 fir‑rigward tad-definizzjoni ta’ prodotti tas-sajd u li jemenda r‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 fir‑rigward tal‑iskambju tal‑informazzjoni dwar spezzjonijiet ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi u arranġamenti tekniċi dwar iċ-ċertifikati tal‑qabdiet
Id-dikjarazzjoni tas-suġġett
Id-dikjarazzjoni tas-suġġett tista’ titqassar jew titħalla barra:
Regolament (UE) 2015/1525 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li jemenda r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l‑awtoritajiet amministrattivi tal‑Istati Membri u l‑kooperazzjoni bejn dawn tal‑aħħar u l‑Kummissjoni biex ikun assigurat l‑applikar korrett tal‑liġi dwar materji doganali u agrikoli(id-dikjarazzjoni tas-suġġett jissemma sħiħ)
Direttiva tal‑Kummissjoni 2010/3/UE tal‑1 ta’ Frar 2010 li temenda għall-għan ta’ adattament għall-progress tekniku, l‑Annessi III u VI tad-Direttiva tal‑Kunsill 76/768/KEE li għandha x’taqsam mal‑prodotti kożmetiċi(id-dikjarazzjoni tas-suġġett tqassret)
Regolament (UE) 2015/847 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar l‑informazzjoni li takkumpanja t‑trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006(id-dikjarazzjoni tas-suġġett tħalliet barra)
Il-partijiet “[u] li jemenda …” jew “[u] li jħassar …” fl‑att li qiegħda ssir referenza għalih, jitħallew barra:
Regolament (UE) Nru 165/2014 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq
Fi ftit kliem, id-data tal‑att li jissemma fit-titolu ta’ att ieħor għandha titħalla barra (ħlief f’xi eċċezzjonijiet), u l-awtur jissemma biss jekk ikun differenti, filwaqt li s-suġġett tiegħu għandu jissemma kollu jew parti minnu, jew m’għandha tissemma l‑ebda parti minnu skont il‑ħtiġijiet tal‑awtur.
Fil-konsiderazzjonijiet
L-atti primarji jissemmew mingħajr referenza f’nota ta’ qiegħ il‑paġna. Madankollu, ftehimiet internazzjonali jistgħu jissemmew bit-titolu mqassar tagħhom u/jew b’referenza f’nota ta’ qiegħ il‑paġna, ara t‑Taqsima 2.2.1.il-mistoqsijiet bil‑miktub (il‑Parlament)konsiderazzjonijiet
Madankollu, l‑att sekondarju għandu jissemma dejjem bit-titolu sħiħ u warajh tingħata referenza għan-nota ta’ qiegħ il‑paġna li tindika l‑Ġurnal Uffiċjali fejn ġie ppubblikat:
Wara li kkunsidrat id‑Direttiva 2010/30/UE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l‑indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l‑informazzjoni standard tal‑prodott dwar il‑konsum tal‑enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal‑enerġija(1), u b’mod partikolari l‑Artikolu 10 tagħha,
[…]
Jekk issir referenza għar-Regolamenti tal‑Persunal, tissemma l‑parti ewlenija tas-suġġett u wara jitniżżlu biss l‑istituzzjoni u n-numru tar-Regolament:
Wara li kkunsidrat ir-Regolamenti tal‑Persunal għall-Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea u l‑kundizzjonijiet tal‑impjieg ta’ aġenti oħra tal‑Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal‑Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68(1),
[…]
Fil-premessi, fl‑Artikoli u fl-Annessi
Normalment, fil‑premessi, fl‑Artikoli u fl-Annessi jissemma biss it‑titolu mqassar tal‑att:annessinumrutas-serjepremessi
- Jekk att jissemma għall-ewwel darba, it‑titolu mqassar isemmi isem l‑awtur tal‑att. Warajh issir referenza għal nota ta’ qiegħ il‑paġna li ssemmi t‑titolu sħiħ tal‑att u l‑Ġurnal Uffiċjali fejn ikun ġie ppubblikat:
(5)Fejn miżuri ta’ ħarsien tan-negozju jsiru meħtieġa, għandhom jiġu adottati skont id‑dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fir‑Regolament (UE) 2015/478 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill(6) […](6)Regolament (UE) 2015/478 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/478/oj).
Fil-prinċipju, it‑termini normattivi (jiġifieri l‑artikoli) m’għandhomx jirreferu għal atti li jkun għadhom ma ssemmewx fil‑konsiderazzjonijiet jew fil‑premessi.
- Meta l‑att ikun diġà ssemma fil‑konsiderazzjonijiet jew f’xi parti oħra tat‑test (ħlief fit-titolu), it‑titolu mqassar ma jsemmix l‑awtur u warajh ma ssirx nota ta’ qiegħ il‑paġna:
2. Għall-fini tal‑Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament, il‑Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is‑ Salvagwardji stabbilit permezz tal‑Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478.
Din ir-regola jaf għandha xi eċċezzjonijiet, l‑aktar fejn jidħlu l‑annessi li jkun fihom xi formoli jew dokumenti oħrajn li jistgħu jintużaw b’mod separat, u għalhekk ikun meħtieġ li jittenna t‑titolu sħiħ u r‑referenza tal‑Ġurnal Uffiċjali tal‑att li jkun diġà ssemma.
F’ġieħ il‑leġġibbiltà, il‑listi t‑twal tal‑atti jistgħu jsemmu t‑titoli sħaħ fil‑kontenut tat‑test iżda r‑referenzi tal‑Ġurnal Uffiċjali jsemmuhom biss fin-noti ta’ qiegħ il‑paġna.