3.3.1. Emendi fit-test
L-emendi fit-test huma introdotti u ppreżentati skont jekk humiex relatati ma’ artikolu sħiħ, suddiviżjoni mmarkata jew mhux immarkata, sentenza jew parti minn sentenza.
1. Meta jiġi sostitwit artikolu sħiħ, it-test il-ġdid jibda bl-indikazzjoni tal-artikolu (preċedut minn virgoletti tal-ftuħ), imqiegħda fuq ix-xellug mal-marġni:
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2001/689/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp magni tal-ħasil tal-platti, kif ukoll l-assessjar relatat u l-bżonnijiet ta’ verifika, jibqgħu validi sat-28 ta’ Frar 2009.”.
It-test tal-artikolu l-ġdid għandu punt (jew punt u virgola) wara l-virgoletti tal-għeluq.
2. Meta l-emenda tikkonċerna suddiviżjoni mmarkata ta’ artikolu (paragrafu, punt, inċiż, eċċ.), it-test il-ġdid jibda b’virgoletti tal-ftuħ, segwiti min-numru tal-paragrafu, il-punt, l-inċiż, eċċ.:
Ir-Regolament (KE) Nru 409/2009 huwa emendat kif ġej:
fl-Artikolu 3, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘(g) ‘l-istat tal-ipproċessar’ tfisser il-mod kif il-ħut jiġi ppreservat (frisk, immellaħ frisk u ffriżat).”;
fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-fatturi ta’ konverżjoni tal-Komunità stipulati fl- Annessi II, III u IV għandhom japplikaw sabiex jiġi kkonvertit il-piż tal-ħut ipproċessat f’piż ta’ ħut ħaj.”.
Jekk jiġi sostitwit biss l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu numerat, in-numru tal-paragrafu ma jiġix imsemmi fit-test il-ġdid:
fl-Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Kwalunkwe proposta jew inizjattiva ppreżentata lill-awtorità leġiżlattiva mill-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem ‘ir-Rappreżentant Għoli’) jew minn Stat Membru, li jista’ jkollha impatt fuq il-baġit, inkluż bidliet fin-numru ta’ karigi, għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni finanzjarja u bl-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 27(4).”
3. Meta t-test li ser jiġi sostitwit ma jkunx immarkat, tintuża din il-formula:
fl-Artikolu 78, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-prinċipju tal-allokazzjoni tal-ammonti li jikkorrispondu mal-erba’ punti perċentwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jiġi kkompilat billi jittieħdu l-ishma tal-Istati Membri fiż-żona agrikola u fl-impjieg agrikolu, ppeżati b’65 % u b’35 % rispettivament.”;
fl-Artikolu 15(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ wara s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni konċernata, il-produtturi għandhom iħallsu ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata għall-kwantitajiet ta’ zokkor imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, li għalihom ma jistgħux jipprovdu evidenza aċċettabbli lil Stat Membru li r-raffinar seħħ minħabba raġunijiet tekniċi ġustifikati u eċċezzjonali.”.
4. Jekk ser tiġi sostitwita biss sentenza, ma jiġi repetut l-ebda sinjal ta’ suddiviżjoni, anke jekk l-ewwel sentenza ta’ paragrafu numerat tkun is-suġġett ta’ emenda:
fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“F’każ li ksur serju, kif definit fis-Sezzjoni I(1) tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 302/2009, jinstab abbord bastiment tas-sajd tal-Komunità, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li, wara l-ispezzjoni, il-bastiment tas-sajd iwaqqaf kull attività ta’ sajd.”
Meta s-sostituzzjoni tirreferi għal parti minn sentenza (espressjoni, kelma, data, u ammont) l-indikazzjoni tas-suddiviżjoni ma tintużax u s-sostituzzjoni tinkiteb f’rig wieħed:
Fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2005/692/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2012”.
Biex l-affarijiet ikunu ċari u biex jiġu evitati problemi ta’ traduzzjoni, nirrikkmandaw li, pjuttost milli jiddaħħlu jew jitħassru sentenzi jew frażijiet partikolari, jiġi sostitwit l-artikolu, il-paragrafu, il-punt jew l-inċiż kollu. Madankollu, ma tkunx problema jekk tinbidel data jew ċifra biss.
5. Il-formula introduttorja tvarja skont jekk hemmx emenda waħda jew aktar:
- jekk hemm diversi emendi, il-formula introduttorja tiġi:
Ir-Regolament (UE) 2017/745 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(a)…;
(b)…;
(2)L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:
(i)…;
(ii)…;
- jekk hemm emenda waħda biss, il-formula tiġi:
L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 huwa sostitwit b’dan it-test:
(u mhux:
Ir-Regolament UE Nru …/2010 huwa emendat kif ġej:
L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej)
6. Jekk jiġi emendat anness, jintużaw il-formuli introduttorji li ġejjin:
L-Anness […] huwa emendat kif ġej:
jew, jekk l-emendi huma msemmija fl-anness:
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru …/2010 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Jekk se jiġi sostitwit l-anness sħiħ, it-termini ta’ promulgazzjoni jużaw din il-formula:
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru …/2007 huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
L-Anness jiġi ppreżentat hekk:
ANNESS
“ANNESS
[…]”.