4.1.2. Ġestjoni tal-proġetti mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

Ir-rwol tal-persuni inkarigati mill-proġetti huwa li jwettqu l‑preparazzjoni tipografika tal-manuskritt, u l‑uffiċċju tad-disinn grafiku jista’ wkoll jipproduċi abbozzi u mudelli għal xi proġetti.

Interventi mill-managers tal-proġetti

Il-managers tal-proġetti jipproċedu għat-tħejjija tat‑tipografija tal-manuskritt. L‑indikazzjonijiet tipografiċi, l‑għażla tal-karattri, id‑determinazzjoni tal-formati u l‑pjanifikazzjoni tal-iskadenzi għandhom jikkorrispondu mal‑informazzjoni li jkun hemm fil-kuntratti ta’ qafas, is‑sejħiet għal offerti u l‑karti tal-ordni.

Il-managers jikkontrollaw l‑identifikaturi internazzjonali; ISBN, ISSN, DOI (ara t‑Taqsima 4.4), kif ukoll in‑numru tal-katalogu tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet stess.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-qoxra; jekk il‑ħxuna tal-pubblikazzjoni tippermetti, it‑titolu għandu jkun stampat fuq ix-xewka tagħha.

Il-formola għall-pubblikazzjoni tingħata wara l‑verifika, partikolarment tal-paġni introduttorji (it-titolu, id‑dritt tal-awtur, il‑werrej, eċċ.). Din għandha tingħata mingħajr eċċezzjoni bil-miktub lill-istamperija bil-punti li ġejjin:

  • it-titolu tal-pubblikazzjoni,
  • indikazzjoni tal-lingwa jew il‑lingwi tal-pubblikazzjoni,
  • l-għadd ta’ eżemplari rikjesti,
  • il-karatteristiċi ewlenin,
  • id-data tal-iskadenza għall-kunsinna, li tinkludi l‑indikazzjonijiet dwar id‑depożitu u l‑ħlasijiet parzjali,
  • il-post(ijiet) tal-kunsinna, possibbilment b’lista tal-lokalitajiet (fejn ikun xieraq).

Id-disinjaturi

L-uffiċċju tal-ħolqien tal-grafika joħloq abbozzi u mudelli għall-posters, fuljetti, il‑qoxra u l‑mudelli tal-paġni, li jistgħu jintbagħtu lill-awturi qabel ma jiġu finalizzati.

Id-disinjaturi jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-identitajiet viżwali (l‑emblemi, grafika, eċċ.) u d-disinn grafiku tas-siti tal-Internet (il‑preżentazzjoni viżiva, il‑banners, eċċ.).