4.1.3. Qari tal-Provi fl-Uffiċċju
Il-qarrejja tal-provi jservu ta’ par għajnejn ġodda għat-test li se jiġi ppubblikat u huma fdati bil-kontroll lingwistiku (ir-rispett lejn il-lingwa u l-konvenzjonijiet tagħha) u tekniku (rispett lejn it-tipografija).
Il-qarrejja tal-provi jservu ta’ par għajnejn ġodda għat-test li se jiġi ppubblikat u huma fdati bil-kontroll lingwistiku (ir-rispett lejn il-lingwa u l-konvenzjonijiet tagħha) u tekniku (rispett lejn it-tipografija). Madankollu, il-qarrejja tal-provi mhumiex reviżuri: għandhom jibqgħu newtrali fil-konfront tal-intenzjonijiet tal-awtur u dan jibqa’ dejjem l-uniku ġudikatur fir-rigward tat-test.
Finalizzazzjoni tal-manuskritti
Il-manuskritti jiġu fdati lill-qarrejja tal-provi għall-finalizzazzjoni (preparazzjoni tipografika u qari tat-test). Dan l-istadju qabel il-produzzjoni huwa maħsub biex jikkoreġi l-iżbalji ortografiċi u grammatikali u jindividwa l-impreċiżjonijiet u l-inkoerenzi, biex il-messaġġ li jintbagħat ikun jinftiehem perfettament. Għandu wkoll ikun hemm eżami bir-reqqa tal-omoġeneità fl-elementi kollha tal-manuskritt. Kull ambigwità jew dubju għandu jiġi indirizzat b’kooperazzjoni mill-qrib mad-dipartiment tal-awturi.
Il-qarrejja tal-provi għandhom ukoll jassiguraw li t-test ikun konformi mar-regoli u l-konvenzjonijiet interistituzzjonali ta’ din il-Gwida tal-Istil.
Fuq talba tad-dipartiment tal-awturi, u bil-qbil tiegħu minn qabel, jistgħu jsiru interventi editorjali iktar profondi (reviżjoni editorjali tat-test).
In-numerazzjoni tal-paġni tal-manuskritt, li trid tkun ġiet miftiehma mad-dipartiment tal-awturi, tiġi kkontrollata u kkompletata, skont il-każ. L-elementi kollha neqsin tal-manuskritt għandhom jiġu notifikati immedjatament. Għandha tiġi ċċekkjata wkoll il-konformità tan-noti fit-test man-noti ta’ qiegħ il-paġna.
Hija l-kompetenza tas-servizz tal-awtur li jaċċerta l-konformità tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-manuskritt. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jista’ jwettaq dan il-kontroll, skont il-każ, u jekk is-servizz tal-awtur jagħti biżżejjed żmien qabel id-dati ta’ skadenza.
L-għan ewlieni tal-finalizzazzjoni tal-manuskritti huwa li jiffaċilita l-ħidma tal-kompożizzjoni b’tali mod li ma jsirux spejjeż żejda iktar ’il quddiem. Il-kwalità tal-manuskritt mogħti lill-istampatur hija għalhekk element ewlieni fil-proċess sussegwenti tal-produzzjoni. L-awturi, huma u jikkonformaw mal-indikazzjonijiet dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-manuskritti (ara t-Taqsima 4.2), u huma u jassiguraw il-kwalità impekkabbli tat-test, għandhom l-opportunità li jillimitaw l-ispejjeż tal-produzzjoni, filwaqt li jħaffu l-proċess (il-formola għall-pubblikazzjoni tista’ tingħata wkoll għall-ewwel prova).
Manuskritt difettuż jista’ jintbagħat lura lill-awtur.
Manuskritt tajjeb jiggarantixxi produzzjoni rapida u ta’ kwalità.
Il-provi u l-korrezzjonijiet tal-awtur
Il-provi jiġu kkoreġuti mill-qarrejja tal-provi li jivverifikaw il-korrispondenza tat-test mal-manuskritt mogħti u mar-regoli tal-użu għal kull lingwa. Jintbagħat sett tal-ewwel provi lid-dipartiment tal-awturi għall-approvazzjoni u fl-istess ħin biex jiddaħħlu l-korrezzjonijiet tal-awtur.
Il-korrezzjonijiet tal-awtur fuq il-provi għandhom ikunu limitati għal dak li hu essenzjali. Id-dipartiment tal-awtur għandu jassigura li l-korrezzjonijiet tiegħu jkunu leġibbli, viżibbli u b’tali mod li l-qarrej tal-provi ma jkollux għalfejn jirrevedi x-xogħol linja b’linja (korrezzjonijiet bl-aħmar, viżibbli ħafna, imdawrin b’ċirku jew fil-ġenb tal-paġna; l-awtur ma għandux jagħmel il-korrezzjonijiet tiegħu fuq karta separata).
L-istampatur iqis bħala korrezzjoni tal-awtur — bi spiża addizzjonali — kull korrezzjoni fuq il-prova li tkun differenti mill-manuskritt inizjali (titjib, korrezzjonijiet, armonizzazzjonijet, aġġornamenti, kjarifiki li jirriżultaw minn manuskritt mhux ċar jew mhux imħejji sew, eċċ.). F’dan l-istadju, wieħed ma għandux jibqa’ jimmodifika l-frażjoloġija, u lanqas ma għandu jaġġorna l-fatti jew iċ-ċifri li jaslu fl-aħħar minuta u li jkunu iktar reċenti mill-perjodu ta’ referenza tax-xogħol, u lanqas ma għandhom jiżdiedu sinjali tal-punteġġatura bil-għan ta’ perfezzjoni mhux realistika.
Il-korrezzjonijiet tal-awtur, jiġifieri l-addizzjonijiet u t-tneħħijiet kollha, minn sempliċi virgola għal paragrafu sħiħ, għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun minħabba possibbiltà ta’ dewmien u tal-ispejjeż li jinvolvu. L-ispejjeż jistgħu jilħqu ammonti sinifikanti u li ma jkunux jidhru proporzjonati fil-konfront tal-korrezzjonijiet mitluba. Modifika minima tista’ twassal għar-riformular ta’ paragrafi sħaħ, għal tqassim mill-ġdid ta’ diversi paġni jew tal-manuskritt kollu b’effett eventwali fuq il-paġinazzjoni, fuq il-werrej u fuq ir-referenzi fit-test jew fl-indiċi (fil-każ ta’ modifiki li jitqiesu indispensabbli, hija r-responsabbiltà tal-awtur li jieħu f’idejh it-tibdil li jirriżulta).
Il-kompożizzjoni teħtieġ ġeneralment żewġ provi. Waqt l-ewwel prova, il-qarrej tal-provi jaqra t-test kollu u jqabblu mal-manuskritt; huwa jivverifika jekk it-test fihx l-elementi kollha u jekk tħarsux l-istruzzjonijiet tipografiċi. Fit-tieni prova mbagħad huwa jivverifka kull korrezzjoni li tkun saret fl-ewwel prova. L-ebda korrezzjoni tal-awtur ma għandha tiġi aċċettata fl-istadju tat-tieni prova.
Fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet perjodiċi jew urġenti, u li jkunu soġġetti għal data ta’ skadenza, id-dipartiment tal-awtur għandu jirispetta data għat-tmiem tal-editjar. Din l-eżiġenza tippermetti mhux biss li jiġu rispettati l-iskadenzi, iżda wkoll li ma jsirux korrezzjonijiet tal-awtur fl-aħħar minuta u, għalhekk, ma jsirux spejjeż żejda.
Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma jistax jaċċetta li jsiru korrezzjonijiet tal-awtur mingħajr il-qbil formali tad-dipartiment tal-awtorizzazzjoni.