4.2.2. Struttura loġika tad-dokumenti

Il-kontenut ta’ dokument stampat għandu jintwera bi struttura loġika, bl‑użu ta’ komponenti tat‑test li jintgħarfu (l‑intestaturi, it‑test, ir‑referenzi, eċċ.).

Dokument stampat huwa magħmul minn żewġ elementi: il-kontenut, jiġifieri s‑sekwenzi ta' karattri assoċjati mal‑istruttura loġika tagħhom, u l-preżentazzjoni.


Struttura loġika tad-dokumenti

Il-preżentazzjoni, li taqa’ fil-qasam tat‑tipografija, hija ffinalizzata mill-istampatur, skont l‑istruzzjonijiet ta’ min jieħu ħsieb il‑grafika. L‑aktar spiss, il‑preżentazzjoni tat‑test oriġinali, it‑tqassim tal-paġni, eċċ., ma jikkorrispondux mal‑preżentazzjoni finali tat‑test magħmul mill-istampatur. Barra minn hekk, matul it‑tħejjija tal-manuskritt, li wieħed ikun irid li xogħlu jkun simili ħafna għall-preżentazzjoni fuq il‑karta stampata hija ta’ spiss xi ħaġa inutli, jew anke ta’ tfixkil (pereżempju, wieħed għandu jiżgura li ma jiġix introdott qtugħ manwali fil-kliem, għax dan il‑qtugħ ikollu jitneħħa meta d‑dokument jiġi pproċessat mill-istampatur).

Madankollu, b’mod imperattiv, l‑istampatur għandu jkun jista’ jagħraf il‑partijiet differenti tat‑test. Għal dan, meta jiddaħħal it‑test, wieħed għandu jiżgura li:

  • jew japplika style sheet,
  • jew japplika mmarkar li jsegwi protokoll stabbilit sew.

Style sheets tal-kompjuter

Jekk it‑test għandu jiġi interpretat sew mill-istampatur, huwa importanti ħafna li l‑livelli differenti tat‑test jiġu mmarkati korrettament (intestaturi, test normali, annotazzjonijiet, eċċ.).

F’dan ir‑rigward, Word joffri soluzzjoni sempliċi, iżda li għandha tintuża b’mod strett: l‑istili. Kull komponent tat‑test huwa magħmul differenti bl‑applikazzjoni ta’ marka (stil) differenti:

  • livell tal-intestatura (Heading 1, Heading 2, eċċ.),
  • test normali, allinjat bil-marġni ndaqs, allinjat fuq naħa waħda, eċċ. (Normal, eċċ.),
  • referenzi, kaxex, noti ta’ qiegħ il‑paġna, eċċ.

Għal kull element għandu jiġi attribwit stil uniku, preferibbilment magħmul fuq skema loġika.

news:

Pereżempju, tibdilx id‑daqs jew l‑għamla tal-headings b’mod manwali (tipi grassi, korsiv, eċċ.)!

Madankollu, jekk kull awtur titħallielu l‑għażla tal-użu tal-istili, dan malajr jista’ joħloq diffikultà. Kull xogħol huwa soġġett għal trattament partikolari, b’abbundanza ta’ stili li faċilment jista’ jsir diffiċli biex jiġi kkontrollat. Din hija r‑raġuni l‑għala huwa preferibbli, jew meħtieġ, li jkun hemm standardizzazzjoni tal-istili.

Idealment, l‑istyle sheets applikabbli għax-xogħlijiet differenti għandu jkollhom l‑istess bażi (folja standard). Fl-istess ħin, l‑istyle sheets jistgħu jakkumpanjaw mudelli xierqa, li jippermettu li tiġi ssodisfata d‑diversità tal-preżentazzjonijiet (“mudell xieraq” ifisser l‑adattament ta’ style sheet unika għall-preżentazzjoni tipografika speċifika tax-xogħol li għandu jitħejja).

L-użu strett tal-istili, b’mod partikolari biex isiru intestaturi differenti, għandu vantaġġ ieħor f’Word: huwa jippermetti lill-awtur sabiex joħloq werrej b’mod awtomatiku, li huwa impossibbli meta jsir divrenzjar manwali tat‑titoli.

Protokoll tal-immarkar

Teknika oħra ewlenija għat-tibdil tal-elementi tat‑test hija l‑applikazzjoni ta’ “protokoll tal-immarkar”, jiġifieri l‑indikazzjoni tal-livell loġiku tal-elementi kollha tat‑test (pereżempju, titolu tal-kapitolu, tat‑taqsima; test normali, test imdaħħal ġewwa; referenzi). Għandu jinħadem protokoll tal-immarkar bid-deskrizzjoni tal-elementi msemmija, tal-marki u tal-preżentazzjoni tipografika mixtieqa.

Il-marki ta’ spiss ikollhom format tat‑tip <MARKER>, pereżempju <TCHAP> għal marka li tindika titolu ta’ kapitolu. Dawn ġejjin mil-lingwaġġ tal-immarkar SGML (standard generalised markup language). Mill-implimentazzjoni tal-SGML, saru bosta evoluzzjonijiet, attwalment, bi predominanza tal-XML.

Il-marki użati f’dawn il‑protokolli għandhom il‑vantaġġ li jistgħu jiġu interpretati direttament mill-programmi ta’ editjar megħjunin mill-kompjuter (kif ukoll mill-programmi avvanzati tal-ipproċessar tat‑test), li jagħmlu x‑xogħol iebes ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti qabel l‑istampar superfluwu. L‑applikazzjoni tal-protokolli tal-immarkar teħtieġ ftehim fi stadju pjuttost bikri, idealment mit-tfassil tax-xogħol.

Fil-każ ta’ dokument b’ħafna lingwi, jaqbel li jiġi assoċjat is‑servizz ta’ traduzzjoni tal-istituzzjoni. Dan, li jaġixxi bħala multiplikatur tat‑testi, billi jżid il‑verżjonijiet ligwistiċi mixtieqa, jista’ jipproċessa t‑test immarkat, u b’hekk jikkonċentra fuq il‑kontenut mingħajr ma jitlef riżorsi biex jipproduċi preżentazzjoni inutilment. Wieħed għandu jsemmi wkoll li dokument immarkat, li jkun fih ammont minimu ta’ kodiċi ta’ formatjar, huwa aktar adattat għall-ipproċessar b’għodda tat‑teknoloġija lingwistika avvanzata.