4.2.3. Tħejjija tat-test

Sabiex jiġu ottimizzati l-prattiki tax-xogħol bil-ħsieb tal-produzzjoni, huwa essenzjali li wieħed jaderixxi ma’ regoli partikolari.

Struzzjonijiet għall-ittajpjar

Sabiex jiġu mtejba l-proċeduri tax-xogħol għall-għanijiet ta’ produzzjoni (karta, CD/DVD, Internet, eċċ.), huwa indispensabbli li jiġu rispettati l-istruzzjonijiet li ġejjin:

Ġenerali

  • Ittajpjar kontinwu (mingħajr tqassim tal-paġni).
  • Test mhux allinjat bil-marġni ndaqs, mingħajr qtugħ fl-aħħar tal-linja, anke jekk ikunu kliem komposti.
  • Spazji fil-punteġġatura (ara t-Taqsima 6.4).
  • Ipproċessar loġiku u koerenti tat-test (uża l-istess parametri għall-elementi identiċi ta’ dokument).

Il-karattri speċjali

  • Uża l-karattri speċjali disponibbli.
  • Projbizzjoni ta’ kwalunkwe traslitterazzjoni (“ss” għal “ß”, “ue” għal “ü”, eċċ.).
  • Dejjem uża ċ-ċifri “1” u “0” tat-tastiera, u mhux “l” jew “O” minflokhom.
  • L-ellissi (…) tagħmilhom billi tittajpja Alt 0133 jew Ctrl-Alt-punt (.) (tużax tliet punti wara xulxin (...)).

Iċ-ċifri

  • Numri li jesprimu kwantità: issepara l-gruppi ta’ tliet ċifri bi spazju tal-ittajpjar (spazju fiss), u mhux b’punt (eżempju: 300 000).
  • Numri li jesprimu numerar, bħalma huma l-annati, numerar tal-paġni, eċċ.: mingħajr spazju (eżempji: 1961, p. 2064).
  • Numri deċimali: b’punt (eżempju: 13.6), u mhux b’virgola (ara t-Taqsima 6.5).
  • Regoli tal-kitba taċ-ċifri (ara wkoll it-Taqsima 10.4).
NB:

Fil-Ġurnal Uffiċjali n-numri deċimali jinkitbu b’virgola.

L-ispazji protetti

  • Jippermettu li jiġi evitat il-qtugħ ta’ entitajiet fl-aħħar tal-linja li għandhom jibqgħu flimkien.
  • Għandhom jintużaw fil-każijiet li ġejjin u fil-każijiet indikati fir-regoli tal-punteġġatura (ara t-Taqsima 6.4):

    Nru•ĠU L•10•000

    p.•ĠU C•M. C.•M. Dupont

    NB:

    F’Word, l-ispazju fiss isir permezz tas-sekwenza Alt 0160 jew Ctrl-Shift-space bar.

Il-graffs, l-istampi u t-tabelli

  • Għaqqad il-graffs u l-istampi f’fajls apparti, f’format b’riżoluzzjoni għolja.
  • Ivverifika d-drittijiet ta’ riproduzzjoni/id-dritt tal-awtur għall-istampi u l-illustrazzjonijiet.
  • Immarka l-post fejn għandha tiddaħħal l-istampa/il-graff b’marka ċara (<STAMPA1>, <GRAFF1>, <TABELLA1>, eċċ.).
  • Ibgħat il-fajls Excel apparti.

Il-virgoletti

  • Uża l-virgoletti li jappartjenu għal-lingwa.
  • Fil-lingwa Maltija, il-kwotazzjoni nagħmluha bejn virgoletti doppji (“ ”) iżda nużaw virgoletti singli (‘ ’) meta nkunu qed nikkwotaw kwotazzjoni ġo kwotazzjoni (fil-parentesi, il-kodiċi alfanumeriku li għandu jintuża għall-kitba tagħhom):

    livell 1“…”(Alt 0147/Alt 0148)
    (kwotazzjoni)

    livell 2 ‘…’(Alt 0145/Alt 0146)
    (kwotazzjoni ġo kwotazzjoni)

    Livelli ulterjuri għandhom ikunu ripetizzjonijiet tal-livelli 1 u 2.

L-apostrofu

  • Uża l-apostrofu tipografiku tajjeb (’ jew , skont il-grupp ta’ karattri użati), li jinkiseb bis-sekwenza Alt 0146, u mhux kif jidher fuq it-tastiera (').

L-ittri kbar/ ittri żgħar

  • M’għandek tikteb l-ebda titolu kollu b’ittri kbar.
  • Applika l-ittri kbar/ittri żgħar skont ir-regoli ta’ din il-Gwida tal-Istil (ara t-Taqsima 10.3).

In-noti ta’ qiegħ il-paġna

  • Uża biss il-funzjoni References/Insert footnote.
  • Għal manuskritt li għandu jiġi prodott fuq karta, fil-prinċipju huwa inutli, jew anke ta’ ostakolu, li terġa’ tirranġa manwalment in-numri tan-noti. Pereżempju: Word joħloq “1” iżda dawk li jikkoreġu japplikaw “(1)”. L-istampatur jieħu biss il-funzjoni Footnote; għalhekk huwa xogħlu li jerġa’ jirranġa n-numri tan-noti b’mod korrett, skont il-konvenzjonijiet ta’ din il-Gwida tal-Istil.
  • Numerar ċar tan-noti f’ċifri Għarab (ħalli s-sinjali l-oħrajn, bħall-asterisk jew l-ittri, għal każijiet partikolari).
  • Ipprojbixxi n-noti tat-tip idem jew ibidem (għax it-tqassim tal-paġni tax-xogħol stampat huwa differenti minn dak tal-manuskritt oriġinali).
  • Ir-referenza għal nota tal-qiegħ (inklużi l-parentesi) tinkiteb dejjem bit-tipa Rumana (anke f’testi jew titoli miktubin bil-korsiv jew b’tipa grassa).

Is-sing

  • Uża s-sing twil (Alt 0151) biex iddaħħal l-elementi ta’ numerar (l-istess regola għal-lingwi kollha).

Titoli

  • Tużax format manwali, iżda l-istyle sheets tal-kompjuter.
  • Fin-nuqqas ta’ style sheet partikolari, uża l-istili Word (Heading 1, Heading 2, Normal, eċċ.).
  • Qatt ma għandek tikteb it-titoli kollha b’ittri kbar.
NB:

Bl-użu tal-istili ta’ Word, fl-aħħar tal-ipproċessar tat-test, jista’ jinħoloq werrej b’mod awtomatiku; meta jinbidel f’PDF biex jitpoġġa online, dawn it-titoli joħolqu hyperlinks b’mod awtomatiku (sinjali ta’ ktieb, jew bookmarks), elementi indispensabbli biex il-konsultazzjoni online ta’ dokumenti PDF twal tkun waħda komda.

Rakkomandazzjonijiet oħrajn

Meta manuskritt jintbagħat f’bosta lottijiet, is-servizz tal-awtur għandu jiżgura, waqt il-kunsinna tal-ewwel parti, li jipprovdi werrej tax-xogħol (anke jekk provviżorju), sabiex il-qarrejja tal-provi jkun jista’ jkollhom dehra tax-xogħol kollu.

Kull manuskritt għandu jiġi vverifikat bir-reqqa mis-servizz tal-awtur qabel ma jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Ir-reviżjonijiet għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni u jkunu perfettament ċari, leġġibbli u preċiżi. Reviżjonijiet importanti magħmula fl-istadju tal-ewwel prova jwasslu għal dħul ta’ kliem ġdid, għandhom effett fuq it-tqassim tal-paġni (u xi drabi jbiddluh għalkollox, għax iwasslu għal bidla wara l-oħra) u spiss ikunu jeżiġu provi supplimentari u verifika ġdida (b’konsegwenza li jkun hemm posponimenti tad-data tal-produzzjoni u żieda fl-ispejjeż).

Fl-aħħar nett, jaqbel li sa fejn ikun possibbli, ma jsirux reġistrazzjonijiet komposti, li jiġbru testi maħluqa b’software differenti.