4.2.4. Dokumenti camera-ready, lesti għar-riproduzzjoni
Id-dokumenti camera-ready, lesti għall-produzzjoni, huma dokumenti li għandhom ikunu mingħajr difetti u lesti għar-riproduzzjoni.
F’każ ta’ dokumenti li huma camera-ready, i.e. lesti għar-riproduzzjoni, is‑servizz tal-awtur għandu jiżgura li fit-test ikunu saru l‑interventi meħtieġa kollha, filwaqt li ma ssir l‑ebda korrezzjoni fl‑istadju tar-riproduzzjoni (ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali).
Għandu jsir qari mill-ġdid bir-reqqa direttament wara li jiġi ttajpjat it‑test, qabel ma jkun ippaġġnat (page layout) b’mod definittiv. Dan l‑ippaġġnar għandu wkoll jiġi soġġett għal verifika tipografika fil-fond qabel ma jiġi prodott it‑test.
It-testi għandu jkollhom numru tal-paġna b’mod kontinwu mill-paġna tat‑titolu, inkluża din tal-aħħar. In-numerar għandu jinkludi l‑paġni vojta. Il-partijiet u l‑kapitoli li jibdew fuq paġna fuq il‑lemin (paġna farradija) ikollhom numru farradi. Jekk it‑test tal-parti jew tal-kapitolu preċedenti jieqaf fuq paġna farradija, għandha tiġi paġna vojta qabel il‑parti l‑ġdida jew il‑kapitolu l‑ġdid. Pereżempju, jekk il‑Kapitolu 1 jispiċċa fuq paġna 19, il‑Kapitolu 2 għandu jibda fuq paġna 21, u paġna 20 tkun vojta.
L-ispazju li jiġi qabel titolu jew sottotitolu dejjem għandu jkun akbar minn dak li jisseparah mit-test.
Bejn il‑paragrafi u l‑inċiżi, għandu jitħalla spazju doppju vojt bejn il‑linji.
Mhuwiex permess li paġna tibda mill-aħħar linja ta’ inċiż. Huwa preferibbli, iżda biss f’dan il‑każ, li taqbeż b’linja l‑limitu tal-istruttura tal-paġna preċedenti. Bl-istess mod, wieħed għandu jevita li jispiċċa paġna b’titolu jew b’sottotitolu, bl‑ewwel sing jew bl‑ewwel linja tan-numerar.
Il-kwotazzjonijiet u l‑innumerar għandhom ikunu allinjati, jekk ikun il‑każ, mad-daħla tal-ewwel linja.