4.4.1. Numru internazzjonali standard tal-kotba (ISBN)
Kull pubblikazzjoni monografika tirċievi numru internazzjonali standard tal-kotba (ISBN) mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
Kull pubblikazzjoni monografika (ara t-Taqsima 4.3.1) tirċievi numru internazzjonali standard tal-kotba (ISBN) mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
L-allokazzjoni ta’ ISNB ma għandha l-ebda sinifikat jew valur legali fir-rigward tal-proprjetà tad-drittijiet fuq il-ktieb ikkonċernat, u lanqas fir-rigward tal-kontenut tiegħu.
Ladarba jkun allokat lill-prodott, l-ISBN ma jistax jiġi mmodifikat, sostitwit jew użat mill-ġdid.
Jintalab ISBN separat:
- għal kull verżjoni lingwistika ta’ pubblikazzjoni,
- għal kull format separat ta’ prodott (fil-każ ta’ ktieb ippubblikat u li jkun disponibbli f’forma ta’ verżjonijiet f’formati differenti (PDF, HTML, eċċ.), kull waħda minn dawn trid tirċievi ISBN separat),
- għal kull edizzjoni separata li tinvolvi modifiki konsiderevoli li jaffettwaw waħda jew aktar partijiet ta’ prodott, kif ukoll jekk it-titolu jkun oġġett ta’ tibdil; min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi allokat ISBN separat lill-prodott li tiegħu ma nbidlu la l-edizzjoni, la l-forma u lanqas l-editur, meta l-prezz biss ikun tbiddel jew meta l-prodott imsemmi kien biss oġġett ta’ modifiki ħfief, bħal fil-każ tal-korrezzjoni tal-iżbalji tal-istampar,
- għal kull modifika tal-forma ta’ prodott (ktieb bil-qoxra iebsa, ktieb bil-qoxra ratba, verżjoni online, eċċ.).
Fil-każ ta’ diversi volumi, jiġi allokat ISBN għal kull wieħed mill-volumi u ISBN ta’ raggruppament hu allokat għall-volumi kollha. L-ISBN ta’ raggruppament kif ukoll dak ta’ kull wieħed mill-volumi rispettivi għandhom jidhru fuq wara tal-paġna tat-titolu ta’ kull volum.
Meta jkun jikkostitwixxi ħaġa waħda kompluta, kapitolu separat fi ktieb jista’ wkoll ikun immarkat b’ISBN. Xi partijiet separati (pereżempju, kapitolu) ta’ pubblikazzjonijiet monografiċi, pubblikazzjonijiet stampati separati jew artikli meħuda minn riżorsi kontinwi li jkunu disponibbli separatament, jistgħu wkoll jiġu identifikati permezz ta’ ISBN.
Meta pubblikazzjoni tiġi ppubblikata b’mod konġunt jew bħala koedizzjoni minn żewġ edituri jew aktar, kull editur jista’ jalloka l-ISBN tiegħu billi jindikah fuq il-paġni tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, fuq il-pubblikazzjoni, għandu jidher biss ISBN wieħed f’forma ta’ barcode.
ISBN għandu jkun allokat ukoll għal pubblikazzjonijiet f’folji separati għal skop determinat (jiġifieri mhux maħsuba biex jiġu ppubblikati b’mod indefinit). Min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjonijiet f’folji separati aġġornati kontinwament (riżorsi integrati) jew il-partijiet individwali aġġornati ma għandhomx jirċievu ISBN.
Pożizzjoni u indikazzjoni tal-ISBN
Sa mill-1 ta’ Jannar 2007, in-numru ISBN, li għandu dejjem jidher fuq l-oġġett, jinvolvi 13-il element strutturati f’ħames gruppi, ippreċeduti mill-prefiss ISBN segwit minn spazju:
- grupp 1: prefiss jew kodiċi EAN (European Article Numbering) li jiddefinixxi l-“ktieb” bħala l-artiklu identifikat (il-prefissi disponibbli bħalissa huma d-978 u d-979),
- grupp 2: numru ta’ identifikazzjoni tal-grupp (92 = organizzazzjonijiet internazzjonali),
- grupp 3: numru ta’ identifikazzjoni tal-editur (kodiċi awtur),
- grupp 4: numru ta’ identifikazzjoni tat-titolu fil-produzzjoni tal-editur,
- grupp 5: pożizzjoni ta’ kontroll.
ISBN 978-92-79-00077-5
Pubblikazzjonijiet stampati
Fuq il-pubblikazzjonijiet stampati, l-ISBN għandu jkun stampat fuq wara tal-paġna tat-titolu flimkien mal-identifikaturi l-oħra kollha (ara l-eżempju fit-Taqsima 5.3.1). Jekk dan ma jkunx possibbli, dan għandu jidher fin-naħa t’isfel tal-paġna tat-titolu jew jiżdied mal-indikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.
Huwa għandu jidher ukoll fuq il-parti t’isfel tal-qoxra ta’ wara (u fil-parti t’isfel tal-qoxra barranija) (ara l-eżempju fit-Taqsima 5.1.1).
F’koedizzjonijiet, l-ISBN tal-koeditur jista’ jidher ukoll fil-parti t’isfel tal-qoxra ta’ wara u/jew fil-parti t’isfel tal-qoxra barranija f’forma ta’ barcode.
Pubblikazzjonijiet elettroniċi jew forom oħra ta’ prodotti mhux stampati
Għall-pubblikazzjonijiet online, l-ISBN għandu jidher fuq il-paġna tal-iskrin li jindika t-titolu jew l-ekwivalenti tiegħu, u/jew fuq l-iskrin li jindika d-drittijiet tal-awtur.
Għal kull prodott ieħor (CD-ROM, DVD, eċċ.), l-ISBN għandu jidher fuq it-tikketta mwaħħla b’mod permanenti fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fin-naħa t’isfel tal-parti ta’ wara ta’ kull ippakkjar permanenti tal-oġġett (kaxxa, borża, frejm, eċċ.).
L-ISBN għandu jkun ukoll inkluż fid-data kollha dwar il-pubblikazzjoni jew il-prodott.
Ara wkoll il-A quick reference guide.
Fil-każ ta’ pubblikazzjoni f’formati differenti, jekk dawn ikunu miġbura flimkien f’lott wieħed, jintalab ISBN wieħed; jekk dawn ikunu oġġett ta’ distribuzzjoni separata, kull verżjoni għandha tingħata ISBN. Barra minn hekk, l-ISBN kollha għandhom jidhru flimkien f’kull verżjoni, b’indikazzjoni mqassra tal-format, bħal fl-eżempju li ġej:
PrintISBN 978-951-45-9693-3
PDFISBN 978-951-45-9694-0
EPUBISBN 978-951-45-9695-7
HTMLISBN 978-951-45-9696-4
L-ISBN għandu jidher ukoll fuq il-materjal kollu li jakkumpanja lill-pubblikazzjoni.
Links utli għall-ISBN
Aġenzija internazzjonali tal-ISBN:
https://www.isbn-international.org (EN)
Gwida tal-implimentazzjoni tal-ISBN:
https://www.isbn-international.org/content/isbn-users-manual/29 (EN)
Mistoqsijiet dwar l-ISBN:
https://www.isbn.org/faqs_general_questions (EN)
Sistema EAN.UCC:
https://www.gs1.org/ (EN)
ISO 2108:2017: numru internazzjonali standard tal-ktieb (ISBN):
https://www.iso.org/standard/65483.html (EN)
L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il-membri tal-ISO, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit:
https://www.iso.org/members.html (EN)