4.4.2. Numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN)

Ir-riżorsi kontinwi għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN), allokat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

Ir-riżorsi kontinwi (pubblikazzjonijiet f’serje u riżorsi integrati permanenti) (ara t-Taqsima 4.3.2) għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN), allokat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

L-allokazzjoni ta’ ISSN ma għandha l-ebda sinifikat jew valur legali fir-rigward tal-proprjetà tad-drittijiet fuq il-ktieb ikkonċernat, u lanqas fir-rigward tal-kontenut tiegħu.

ISSN hu allokat b’mod uniku:

  • għat-tul kollu tal-ħajja ta’ titolu,
  • għal kull verżjoni lingwistika,
  • għal kull edizzjoni (kull xahar, kull sena, eċċ.),
  • għal kull mezz separat.

Fil-każ ta’ diversi volumi, ISSN hu allokat għat-titolu ewlieni, indipendentement min-numru ta’ volumi li jiffurmawh. L-ISSN għandu jkun allokat ukoll għal ġabra ta’ monografiji bħala tali (f’dan il-każ l-ISBN jiġi allokat għal kull volum tal-ġabra).

L-ISSN hu marbut b’mod permanenti ma’ “titolu ewlieni”, maħluq permezz tan-network tal-ISSN waqt ir-reġistrazzjoni tar-riżorsa. It-titolu ewlieni huwa uniku għal kull riżorsa kontinwa.

Għandu jiġi allokat ISSN ġdid (u titolu ewlieni ġdid) għal riżorsa kontinwa:

  • għal kull modifika konsiderevoli tat-titolu,
  • għal kull modifika tal-mezz.

L-ISSN proprju (u għalhekk titolu ewlieni partikolari) għandu jiġi allokat għal kull suppliment jew għal kull sottoserje li takkumpanja eventwalment ir-riżorsa kontinwa.

Pożizzjoni u indikazzjoni tal-ISSN

L-ISSN jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ erba’ numri (numri Għarab) separati permezz ta’ sing, ippreċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN segwita minn spazju. L-aħħar element (element ta’ kontroll) jista’ jkun X:

ISSN 0251-1479

ISSN 1831-855X

L-ISSN għandu jidher b’mod ċar fuq jew fl-ewwel kunsinna ta’ pubblikazzjoni f’serje, kif ukoll fuq jew f’kull kunsinna suċċessiva, kif ukoll f’kull verżjoni ta’ riżorsa integrata permanenti.

Meta l-ISSN ikun akkumpanjat minn identifikatur ieħor (bħal ISBN fil-każ ta’ volum ta’ kollezzjoni), iż-żewġ numri għandhom jidhru flimkien, kull wieħed identifikat bil-prefiss meħtieġ (ISBN, ISSN, doi, eċċ.).

Jekk riżorsa kontinwa jkollha diversi ISSN minħabba t-titoli differenti (bħat-titolu ta’ kollezzjoni prinċipali u t-titoli tas-sottokollezzjonijiet tagħha), l-ISSN għandhom jidhru kollha fuq tali riżorsa, b’distinzjoni, pereżempju, bl-għajnuna ta’ titolu komplut u mqassar bejn parentesi.

tip:

Ara wkoll il-A quick reference guide.

Fil-każ ta’ pubblikazzjoni fuq mezzi differenti (bl-allokazzjoni tal-ISSN u ta’ titoli ewlenin differenti), l-ISSN kollegati jistgħu jidhru fuq ir-riżorsi kontinwi, filwaqt li jistabbilixxu distinzjoni bejniethom, bħal fl-eżempju li ġej:

PrintISSN 1562-6585

HTMLISSN 1063-7710

Għax-xogħlijiet stampati, fuq kull pubblikazzjoni għandu jidher, fir-rokna ta’ fuq, fuq il-lemin tal-qoxra jew, jekk ma jkunx hemm qoxra, b’mod ċar u li jidher sew, preferibbilment fl-ordni li ġej: paġna tat-titolu, nota marġinali, spazju vojt, qoxra ta’ wara, indikazzjoni fl-aħħar tal-ktieb (colophon) jew paġni editorjali.

Għax-xogħlijiet fuq mezzi elettroniċi (xogħlijiet online, CD-ROM, eċċ.), dan għandu jidher fuq il-paġna tal-iskrin li jindika t-titolu jew, fin-nuqqas ta’ dan, fuq il-menù prinċipali, u, jekk ikun possibbli, fuq kull tikketta mwaħħla b’mod permanenti mal-pubblikazzjoni. Jekk ma jkunx possibbli li jitwaħħal l-ISSN fuq il-prodott jew fuq it-tikketta tiegħu, dan għandu jidher fuq il-kontenitur.

Għar-riżorsi online, dan għandu jidher ukoll fil-metadata (fil-qasam tal-identifikazzjoni).

L-ISSN ta’ kollegament (ISSN-L)

Skont it-tifsira tal-istandard ISO 3297:2022 (ISSN), l-ISSN ta’ kollegament (ISSN-L) hu allokat għal riżorsa kontinwa (ara t-Taqsima 4.3.2) għar-raggruppament tal-mezzi fiżiċi differenti tar-riżorsa kkonċernata, indipendentement min-numru ta’ mezzi (kull wieħed minn dawn il-mezzi għandu jkollu fuqu ISSN separat).

L-ISSN-L jippreżenta ruħu bħala sekwenza ta’ żewġ gruppi ta’ erba’ numri separati b’sing, preċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN-L segwita minn spazju:

ISSN-L 0251-1479

L-ISSN-L għandu jiġi mmodifikat meta t-titoli tal-mezzi fiżiċi kollha ta’ riżorsa jkunu oġġett ta’ modifika li tirriżulta fl-istess ħin. Għaldaqstant, hu allokat ISSN ġdid għal kull mezz separat bħalma hu allokat ISSN-L ġdid, b’mod globali.

tip:

Links utli għall-ISSN

Ċentru internazzjonali tal-ISSN:
http://www.issn.org/ (EN)

Manwal tal-ISSN:
https://www.issn.org/understanding-the-issn/assignment-rules/issn-manual (EN)

ISO 3297:2022: numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN):
https://www.iso.org/standard/84536.html (EN)

L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il-membri tal-ISO, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit:
https://www.iso.org/members.html (EN)