5.10. Il-kwotazzjonijiet
Kwotazzjoni hija magħmula minn passaġġi kkwotati minn xogħlijiet oħra jew minn kliem u ħsibijiet ta’ partijiet terzi rrapportati fit-test.
Il-kwotazzjoni hija magħmula minn:
- passaġġi riprodotti minn xogħlijiet oħrajn,
- kliem u ħsibijiet rappurtati fi stil dirett.
Biex tittratta l-kwotazzjonijiet, it-tipografija toffri diversi sistemi, bħalma huma l-użu ta’ korp inferjuri ta’ test jew l-użu ta’ virgoletti jew inċiżi:
- il-kwotazzjonijiet normali (li jagħmlu frażijiet jew kliem iżolati rappurtati f’diskors dirett) isiru kompletament bejn virgoletti, fil-korp u t-tipa tat-test;
- il-kwotazzjonijiet li jinkludu kwotazzjonijiet oħra (kwotazzjonijiet sekondarji) jinvolvu virgoletti distinti minn xulxin (ara t-Taqsima 4.2.3).
Jekk kelma jew parti minn kwotazzjoni titneħħa mit-test, hija għandha tiġi sostitwita minn tliet punti (b’konformità mar-regoli deskritti hawn fuq).
Jekk jitneħħa passaġġ sħiħ, dan jiġi sostitwit minn tliet punti f’parentesijiet kwadri, u dan kollu jitqiegħed bejn żewġ spazji vojta:
“Xxxxx xxxxx xxxxxxxxx.
[…]
Xxxxx xxxxx xxxxxxxx.”
Il-punteġġatura fil-kwotazzjonijiet
Kwotazzjonijiet, tliet punti u parentesijiet kwadri
It-tliet punti jissostitwixxu passaġġ li jitħalla barra minn kwotazzjoni; f’dan il-każ, jitqiegħdu f’parentesijiet kwadri, u jkunu preċeduti minn spazju normali:
“Il-Kunsill ried jieħu bosta miżuri […]; fl-aħħar mill-aħħar, irrinunzja li jagħmel dan.”
“Wasal ftit wara […]. Kollox kien spiċċa. […]”
Din il-formula tintuża wkoll biex tevita konfużjoni mat-tliet punti mqiegħda mill-awtur innifsu, kif juri l-passaġġ li ġej ta’ N. Sarraute:
“[…] Perfetta … sorpriża ta’ veru, xorti tajba … armonija affaxxinanti, din il-purtiera tal-bellus, bellus oħxon ħafna, […] ħadra skura […]”
Meta d-dipartiment ta’ oriġini ma jużax il-parentesijiet kwadri għall-passaġġi li tħallew barra fi kwotazzjoni, is-servizzi tal-qari tal-provi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, minħabba li ma jkunux jistgħu jistabbilixxu distinzjoni bejn passaġġ li tħalla barra u s-sospensjoni tal-idea, ikollhom jadottaw formula konvenzjonali tax-xogħol. It-tliet punti allura jiġu preċeduti u segwiti minn spazju normali, u dan jiġri fil-każijiet kollha:
“Il-Kunsill ried jieħu bosta miżuri … fl-aħħar mill-aħħar, irrinunzja li jagħmel dan.”
“Wasal ftit wara … Kollox kien spiċċa …”
“Il-Kummissjoni pproponiet … ir-Regolament dwar … l-opportunitajiet indaqs …”
Il-kwotazzjonijiet fil-virgoletti (virgoletti, żewġ punti, punt finali ta’ waqfa)
Meta l-kwotazzjoni tkun issegwi l-frażi inizjali, iż-żewġ punti jridu jiġu evitati u l-punt finali ta’ waqfa jitqiegħed wara l-virgoletti (il-punteġġatura tirrispetta s-sekwenza loġika tal-frażi). Din ir-regola tapplika wkoll jekk il-parti li qiegħda fil-virgoletti tkun fil-forma ta’ paragrafu ġdid:
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti tiddikjara li “l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna”.
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti tiddikjara li
“l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna”.
Meta l-kwotazzjoni tkun preċeduta minn żewġ punti, hija tibda b’ittra kapitali u tieħu l-punt finali ta’ waqfa qabel il-virgoletti ta’ għeluq. Din ir-regola tapplika wkoll jekk il-parti kkwotata li qiegħda bejn il-virgoletti tkun fil-forma ta’ paragrafu ġdid:
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti tiddikjara: “L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna”.
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti tiddikjara:
“L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna.”
Jekk wara l-kwotazzjoni jkun hemm nota ta’ qiegħ il-paġna, il-punt finali ta’ waqfa jitqiegħed wara n-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-każijiet kollha:
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti ddikjarat: “L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna”(1).
Fil-kwistjoni rilevanti, il-Qorti ddikjarat li “l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti […] hija probabbli ħafna”(1).
Meta jkun hemm kwotazzjoni ta’ partijiet introduttivi ta’ Atti tal-Unjoni (ċitazzjonijiet, premessi, eċċ.), il-punteġġatura oriġinali titniżżel bħala parti mill-kwotazzjoni:
Il-Kummissjoni biddlet it-tielet premessa kif ġej: “(3) Il-Ftehim għandu għaldaqstant jiġi ffirmat u approvat,”.
Għal-livelli differenti ta’ virgoletti, ara t-Taqsima 4.2.3.