5.4.3. Elementi protetti bid‑drittijiet tal‑awtur użati f’pubblikazzjoni (reviżjoni sħiħa)

L-elementi speċifiċi u artistiċi għandhom jiġu identifikati u kreditati meta jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa kruċjali li jiġu identifikati, iċċarati d-drittijiet u kkreditati l-elementi li d-drittijiet tal-awtur tagħhom huma proprjetà ta’ partijiet terzi (inklużi dawk minn ħażniet tal-immaġni).

L-elementi speċifiċi u artistiċi għandhom jiġu identifikati u kreditati meta jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa kruċjali li jiġu identifikati, iċċarati d-drittijiet u kkreditati l-elementi li d-drittijiet tal-awtur tagħhom huma proprjetà ta’ partijiet terzi (inklużi dawk minn ħażniet tal-immaġni).

Elementi li jappartjenu għall‑istituzzjonijiet, il‑korpi, l‑uffiċċji u l‑aġenziji tal‑Unjoni Ewropea

Id‑drittijiet tal‑awtur tal‑elementi maħluqa mill‑membri tal‑persunal tal‑Unjoni Ewropea huma proprjetà tal‑Unjoni Ewropea jew tal‑korp rispettiv b’personalità ġuridika (ara l‑Artikolu 18 tar‑Regolamenti tal‑Persunal). L‑istess jgħodd għall‑elementi akkwistati permezz ta’ kuntratt standard. F’dawn il‑każijiet, l‑avviż dwar id‑drittijiet tal‑awtur ikopri l‑pubblikazzjoni kollha, peress li d‑drittijiet tal‑awtur kemm fit‑test kif ukoll fl‑elementi addizzjonali huma miżmuma mill‑Unjoni Ewropea.

Madankollu, huwa rrakkomandat li l‑avviż dwar id‑drittijiet tal‑awtur jipprovdi informazzjoni dwar l‑elementi speċifiċi preżenti fil‑pubblikazzjoni. Jista’ jintuża l‑kliem li ġej:

[Illustrazzjoni/Ritratt/eċċ.], p. …, © L-Unjoni Ewropea, [is-sena]

[Illustrazzjoni/Ritratt/eċċ.], p. …, © Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, [is-sena]

[Illustrazzjoni/Ritratt/eċċ.], p. …, © Il-Bank Ċentrali Ewropew, [is-sena]

[Illustrazzjoni/Ritratt/eċċ.], p. …, © [l‑isem tal-aġenzija], [is-sena]

Elementi li jappartjenu għal partijiet terzi

Huwa kruċjali li jiġu identifikati, iċċarati d‑drittijiet u kkreditati l‑elementi li d‑drittijiet tal‑awtur tagħhom huma proprjetà ta’ partijiet terzi (inklużi dawk minn ħażniet tal‑immaġni) meta jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal‑Unjoni Ewropea.

Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id‑drittijiet tal‑awtur tal‑Unjoni Ewropea jew tal‑korp rispettiv b’personalità ġuridika, irid jintalab permess mid‑detentur rispettiv tad‑drittijiet tal‑awtur għal kull element, ħlief fejn tapplika eċċezzjoni jew limitazzjoni għad‑drittijiet tal‑awtur (bħall‑eċċezzjoni għall‑kwotazzjoni). Dawn l‑elementi jridu jiġu kkreditati fl‑avviż dwar id‑drittijiet tal‑awtur. Sakemm il‑permess miksub jew il‑liċenzja mogħtija mid‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur ma jimponux mod partikolari ta’ kkreditar, jista’ jintuża l‑kliem li ġej:

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-[Unjoni Ewropea/korp rispettiv b’personalità ġuridika], jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi. L‑[Unjoni Ewropea/korp rispettiv b’personalità ġuridika] ma għandhiex/għandux id-drittijiet tal-awtur f’rabta mal-elementi li ġejjin:

  • qoxra, [element ikkonċernat], [sors: eż. Unsplash.com];
  • paġna …, [element ikkonċernat], [sors: eż. Fotolia.com], [awtur], kull dritt miżmum;
  • paġna …, [element ikkonċernat], [sors: eż. Getty Images], [awtur], liċenzjat taħt CC BY 2.0 [+ link għal-liċenzja];
  • [illustrazzjoni/ritratt/eċċ.], p. …, © [isem l‑artist], [is-sena], kull dritt miżmum.

Għalkemm huwa rakkomandabbli li jissemmew l‑elementi kollha ta’ partijiet terzi individwalment, jekk dan ma jkunx teknikament prattiku, u sakemm dawn l‑elementi kollha jkunu ġew immarkati matul il‑pubblikazzjoni, il‑klawżola ġenerali li ġejja tista’ tintuża fl‑avviż dwar id‑drittijiet tal‑awtur:

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-[Unjoni Ewropea/korp rispettiv b’personalità ġuridika], jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

Liċenzji tal‑Creative Commons li jkopru elementi ta’ partijiet terzi

Elementi ta’ partijiet terzi liċenzjati taħt il‑liċenzji tal‑Creative Commons, jew li ġew iddedikati għad‑dominju pubbliku, jistgħu jintużaw f’pubblikazzjonijiet tal‑Unjoni Ewropea. Meta jintużaw dawn l‑elementi, huwa essenzjali li jiġu ssodisfati l‑kundizzjonijiet imposti mid‑diversi liċenzji tal‑Creative Commons.

Kif indikat fit‑Taqsima 5.4.2, il‑Kummissjoni u l‑Qorti tal‑Awdituri għażlu CC BY 4.0 biex jippubblikaw ix‑xogħlijiet tagħhom infushom.

Drittijiet tal‑immaġni u tal‑personalità u drittijiet oħra

L‑użu ta’ immaġni li fiha jidhru persuni identifikabbli jista’ jirrikjedi l‑awtorizzazzjoni tal‑privatezza jew drittijiet simili oħra tal‑personalità. Dawn huma distinti mid‑drittijiet tal‑awtur jew drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali u ma għandhomx jiġu konfużi magħhom. Dan ifisser li, irrispettivament mis‑sjieda tad‑drittijiet tal‑awtur ta’ immaġni (l‑Unjoni Ewropea jew parti terza), huwa meħtieġ li jiġi kkonfermat li l‑individwu/i li jidher/jidhru fiha ta/taw l‑awtorizzazzjoni tiegħu/tagħhom għal kull użu maħsub tal‑immaġni tiegħu/tagħhom. Pereżempju, il‑liċenzji tal‑Creative Commons, peress li huma liċenzji tad‑drittijiet tal‑awtur, ma jinkludux id‑drittijiet tal‑privatezza jew tal‑personalità fost id‑drittijiet mogħtija.

Barra minn hekk, f’xi pajjiżi, jista’ jkun meħtieġ li jintalab permess addizzjonali biex tintuża l‑immaġni ta’ opra tal‑arti (eż. pittura, skultura jew bini oriġinali).

tip:

Fil-każ ta’ kwalunkwe mistoqsija, ikkuntattja lis-servizz inkarigat mid-drittijiet tal-awtur fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet (OP-COPYRIGHT@publications.europa.eu).