5.6. It-tqassim tat-test

It-test ta’ pubblikazzjoni għandu jiġi ppreżentat b’tali mod li qarrej isibha faċli biex isegwi, li jista’ jsir billi jinqasam f’diviżjonijiet u suddiviżjonijiet u jintużaw sistemi ta’ numerazzjoni differenti.

It-test irid jiġi ppreżentat f’għamla ċara ħafna li tippermetti lill-qarrej li jaqraha mingħajr diffikultà. Għalhekk trid tiġi evitata preżentazzjoni kkremjata jew konfuża u l-kontenut irid jingħata struttura tajba. Għal dan l-għan, l-għadd ta’ livelli ta’ titoli, ma jridx jaqbeż is-sebgħa. Kull sottointestatura trid tiġi segwita minn test ta’ biżżejjed kobor u li jkun ekwivalenti għall-istess livell loġiku fix-xogħol kollu.

Is-sistema ta’ numerazzjoni kumplessa

It-test jista’ jiġi strutturat f’partijiet, titoli, kapitoli, taqsimiet, paragrafi, punti eċċ., bl-użu ta’ ċifri, ittri, inċiżi u bullets. F’ordni mill-aktar importanti sal-anqas importanti, din is-sistema ta’ numerizzazzjoni tiġi ppreżentata ġeneralment kif ġej:

  • ċifri Rumani kapitali (I, II, III, IV, eċċ.),
  • ittri kapitali (A, B, C, D, eċċ.),
  • ċifri Għarab (1, 2, 3, 4, eċċ.),
  • ittri żgħar bejn il-parentesijiet (a), (b), (c), (d), eċċ.,
  • ċifri Rumani żgħar bejn il-parentesijiet (i), (ii), (iii), (iv), (v), eċċ.,
  • inċiżi (—),
  • punti forma ta’ bullets (•).
NB:
  • F’sottodiviżjonijiet ta’ (a), (b) eċċ, għandhom jintużaw numri Rumai żgħar (i), (ii), (iii) eċċ. L-użu ta’ punti forma ta’ bullets b’tipa grassa għandu jiġi evitat meta jkunu qed jiġu editjati l-atti. Għar-regoli li jirrigwardaw il-Ġurnal Uffiċjali, ara l-Ewwel Parti, t-Taqsima 2.7 u “Tabelli fil-qosor”.
  • In-numri Rumani u l-ittri kapitali għandhom ikunu separati mit-titolu b’sing twil (“em-dash rule”); numri Għarab għandhom ikunu segwiti b’punt ta’ waqfa; ittri żgħar u numri Rumani żgħar għandhom jingħalqu f’parentesijiet tondi: qatt ma għandu jitħalla barra l-ewwel parentesi.
  • F’testi legali, l-awturi u t-tradutturi għandhom dejjem isegwu l-alfabett Ingliż meta jkunu qed jelenkaw bl-ittri f’testi legali tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Din ġejja mill-kuntest bilingwi ġuridiku Malti u hi prassi ewlenija fit-testi legali Maltin li tħaffef it-tqabbil bejn il-verżjoni Ingliża u dik Maltija.

Tradizzjonalment test ikun suddiviż kif ġej:

L-Ewwel Parti

L-ATTIVITÀ TAL-UNJONI

Kapitolu I

L-IŻVILUPP TAL-UNJONI

Taqsima I — Il-qagħda politika ġenerali

A — Is-setgħat baġitarji

1. Ir-rapport ewlieni

(a) Id-Direttivi adottati

Is-sistema bla numerazzjoni

Fejn ma jintużawx l-intestaturi tas-soltu (parti, kapitolu, eċċ.) u lanqas iċ-ċifri tal-ordni, importanti li jiġu indikati fuq id-dokument oriġinali t-titoli u s-sottotitoli meta jsir l-editjar u jiġu ddeterminati b’mod preċiż:

L-ATTIVITÀ TAL-UNJONI

L-IŻVILUPP TAL-UNJONI

Il-qagħda politika ġenerali

Is-setgħat baġitarji

Ir-rapport ewlieni

Id-Direttivi adottati

Is-sistema ta’ numerazzjoni deċimali

In-numerazzjoni tista’ tkun ukoll deċimali:

L-Ewwel Parti — L-ATTIVITÀ TAL-UNJONI

Kapitolu I — L-IŻVILUPP TAL-UNJONI

1. Il-qagħda politika ġenerali

1.1. Is-setgħat baġitarji

1.1.1. Ir-rapport ewlieni

F’dan il-każ, il-livelli ta’ sottotitoli għandhom ikunu limitati.

Is-sistema ta’ numerazzjoni kontinwa

Fl-aħħar nett, għal xogħlijiet ta’ referenza li jkun fihom bosta referenzi minn parti għal oħra, spiss ikun prattiku li jiġu nnumerati l-paragrafi b’mod kontinwu. Għalhekk jaqbel li jintuża dan in-numru fir-referenza, li huwa indipendenti mill-ippaġnar finali.

In-numerazzjoni kontinwa tista’ wkoll tiġi kkumbinata ma’ waħda mis-sistemi l-oħra ta’ numerazzjoni.