8. In-noti ta’ qiegħ il-paġna u r-referenzi tagħhom

In‑noti ta’ qiegħ il‑paġna normalment jitpoġġew fil‑qiegħ tal‑paġna korrispondenti. Jistgħu jkunu nnumerati f’kontinwità fid‑dokument kollu jew jerġgħu jibdew mill‑bidu f’kull paġna.

Normalment in‑noti ta’ qiegħ il‑paġna jitpoġġew fil‑qiegħ tal‑paġna korrispondenti b’tipa iżgħar minn dik użata fit‑test (ġeneralment żewġ punti iżgħar), separati mit‑test b’linja żgħira u spazju żgħir bejn il‑linji.

Ġeneralment, in‑noti ta’ qiegħ il‑paġna jkunu nnumerati f’kontinwità fid‑dokument kollu, għalkemm in‑numerazzjoni tista’ wkoll terġa’ tibda mill‑bidu f’kull paġna. F’xi każijiet, in‑noti jistgħu jkunu mlaqqgħin fl‑aħħar tal‑kapitolu jew il‑volum, bħala noti tal‑aħħar.

Fid‑dokumenti ppubblikati fil‑Ġurnal Uffiċjali, in‑noti ta’ qiegħ il‑paġna jiġu nnumerati f’kontinwità. Meta dokument ikun jinkludi annessi jew appendiċijiet in‑numerazzjoni tan‑noti ta’ qiegħ il‑paġna terġa’ tibda mill‑bidu f’kull anness jew appendiċi.

F’każ li n‑noti ta’ qiegħ il‑paġna jkunu identiċi, għall‑pubblikazzjonijiet kollha minbarra l‑Ġurnal Uffiċjali, in‑nota “ara nota x, paġna y”, għandha tintuża minflok idem jew ibidem, li jistgħu joħolqu konfużjoni. Il‑qarrej tal‑provi jew jirriproduċi n‑nota ta’ qiegħ il‑paġna b’mod sħiħ jew idaħħal in‑numerazzjoni korretta fil‑prova.

Fil‑Ġurnal Uffiċjali, it‑test ta’ noti ta’ qiegħ il‑paġna identiċi jiġi riprodott b’mod sħiħ kull darba li jissemmew.

Kull nota ta’ qiegħ il‑paġna tispiċċa b’punt.