9.1.1. L-indirizzi: prinċipji ġenerali
Fil-prinċipju, il‑format internazzjonali huwa dejjem użat fix-xogħlijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
L-analiżi tal-metodi ta’ kif jinkitbu l‑indirizzi hija ħidma diffiċli u kumplessa billi m’hemmx sistema unika għall-pajjiżi kollha. Kif ukoll, il‑preżentazzjoni tal-indirizzi hija differenti għall-posta nazzjonali u dik internazzjonali. Fil-prinċipju, il‑format internazzjonali huwa dejjem użat fix-xogħlijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Għal dettalji preċiżi dwar il‑preżentazzjoni tal-indirizzi, jekk jogħġbok irreferi għas-siti web individwali tas-servizzi postali nazzjonali. Links għal dawn huma disponibbli fuq is‑sit tal-Unjoni Postali Universali (UPU) (https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions).
L-UPU tagħmel ukoll diversi rakkomandazzjonijiet ta’ natura ġenerali, iżda għax-xogħlijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, limitazzjoni addizzjonali li trid tiġi kkunsidrata hija jekk ix-xogħol jikkonċernax dokumenti monolingwi jew multilingwi.
UPU, sistemi ta’ indirizzi (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions
UPU, sistemi ta’ indirizzi postali f’pajjiżi membri (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions#scroll-nav_5
UPU, Universal POST*CODE® DataBase (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions#scroll-nav_1
Lingwi u karattri li għandhom jintużaw
Il-parti tal-indirizz li tindika l‑pajjiż ta’ destinazzjoni għandha tkun miktuba skont ir‑rakkomandazzjonijiet tal-pajjiż li qed jibgħat (preferibbilment fil-lingwa tal-pajjiż li qed jibgħat jew f’lingwa li hija magħrufa internazzjonalment).
L-isem tal-pajjiż ta’ destinazzjoni għandu jidher f’ittri kapitali fuq l‑aħħar linja tal-indirizz.
Minħabba li r‑rakkomandazzjonijiet ivarjaw skont l‑użu tal-ittri kapitali fl‑aħħar/fl-aħħar żewġ/fl-aħħar tliet linji, ġie deċiż li ssir armonizzazzjoni tal-preżentazzjoni: l‑isem tal-pajjiż biss ikun jidher b’ittri kapitali.
Jekk il‑pajjiż ta’ destinazzjoni juża alfabett ieħor barra dak Ruman jew alfabett li mhuwiex imfisser biżżejjed, l‑isem tal-pajjiż tad-destinazzjoni u possibbilment l‑isem tal-belt, għandhom ikunu rrepetuti f’lingwa magħrufa internazzjonalment biex jiġu evitati problemi waqt it‑tranżitu f’pajjiżi intermedji.
Il-bqija tal-indirizz għandu jsegwi r‑rakkomandazzjonijiet tal-pajjiż ta’ destinazzjoni.
Kodiċi postali
Il-kodiċi postali ta’ qabel, li kienu użati għat-trasferiment ta’ posta internazzjonali (kodiċi speċifiċi fl‑Ewropa wara rakkomandazzjoni mill-Konferenza tal-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet Ewropej fl‑1965, u ISO 3166 alfa-2 kodiċi għal pajjiżi oħra), ġew irtirati jew mibdula f’ħafna pajjiżi.
Fl-ewwel ta’ April 2024, seba’ Stati Membri tal-UE biss kienu għadhom jużaw kodiċi tal-pajjiż: il‑Kroazja (HR), Ċipru (CY), il‑Latvja (LV), il‑Litwanja (LT), il‑Lussemburgu (L), il‑Finlandja (FI) u l‑Iżvezja (SE).
Għal-Latvja, il‑kodiċi jiġi wara l‑isem tal-belt, wara virgola u spazju:
Riga, LV-1073
Il-kodiċi tal-pajjiż ta’ qabel ma għandux jiġi użat għall-Istati Membri l‑oħra. Fil-Ġermanja, jekk ikun hemm il‑kodiċi tal-pajjiż ta’ qabel, l‑oġġett jista’ jinżamm lura mill-magna li tagħżel l‑posta.
Għal aktar informazzjoni fuq kodiċi postali fl‑Istati Membri, jekk jogħġbok ara t‑Taqsima 9.1.5.