9.1.3. L-indirizzi f’dokumenti multilingwi
Għal testi multilingwi, listi ta’ indirizzi jistgħu jiġu komposti darba biss sabiex ikunu armonizzati u konsistenti.
F’xogħlijiet multilingwi tal-istituzzjonijiet, il‑korpi u l‑aġenziji tal-Unjoni Ewropea, il‑listi ta’ indirizzi huma normalment komposti darba biss biex ikunu armonizzati u konsistenti.
F’xogħlijiet monolingwi, jekk l‑indirizzi huma ppreżentati b’tali mod li tintuża l‑istess struttura fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha (pereżempju, f’tabella li fiha lista ta’ indirizzi li jidhru fl‑istess faċċata ta’ pubblikazzjoni fil-verżjonijiet kollha) aħna nużaw ir‑regoli għal xogħlijiet multilingwi.
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
Għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kull indirizz huwa ppreżentat fil-lingwa oriġinali, filwaqt li għandhom jitqiesu r‑rimarki li ġejjin.
- Għall-Belġju, l‑indirizzi huma mogħtija bil-Franċiż u bl-Olandiż (sar ftehim mal‑awtoritajiet Belġjani li l‑Ġermaniż, it‑tielet lingwa nazzjonali, ma jkunx irrappreżentat).
- Għall-Bulgarija, għall-Greċja u għal Ċipru, l‑indirizzi huma mogħtija darba f’karattri tal-alfabett oriġinali u darba f’karattri Rumani (traskrizzjoni bl‑Ingliż). Fil-verżjoni ta’ karattri Bulgari u Griegi, l‑ismijiet tal-belt u tal-pajjiż jidhru wkoll f’karattri Rumani (traskrizzjoni bl‑Ingliż).
- Għall-Irlanda, l‑indirizzi huma mogħtija bl‑Irlandiż u bl-Ingliż.
- Għal Malta, l‑indirizzi huma mogħtija bil-Malti u bl-Ingliż.
- Għall-Finlandja, l‑indirizzi huma mogħtija bil-Finlandiż u bl-Iżvediż.
Għal eżempju ta’ lista multilingwi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ara t‑Taqsima 9.1.4.
Pajjiżi terzi
Għal pajjiżi terzi li ma jużawx alfabett Ruman (iċ-Ċina, il‑Ġappun u pajjiżi li jużaw lingwi Għarab), l‑indirizzi jeħtieġu traslitterazzjoni f’lingwa li tuża alfabett Ruman. L‑isem tal-pajjiż, u possibbilment dak tal-belt, jidher f’lingwa tal-Unjoni li hija magħrufa internazzjonalment, li s‑soltu tkun l‑Ingliż.