9.1.5. L-indirizzi fl-Istati Membri: karatteristiċi speċifiċi

Il-kodiċijiet postali tal-Istati Membri jvarjaw — il-preżenza ta’ kodiċijiet tal-pajjiż, spazji jew singijiet — u l-lingwa li għandha tintuża għall-indirizzi f’’pubblikazzjoni tiddependi minn diversi fatturi.

Il-kodiċi postali, l-Eircode u l-kodiċi tal-pajjiżi

It-tabella li ġejja tiddeskrivi preċiżament l-istruttura tal-kodiċi fl-Istati Membri kollha.

Pajjiż Kodiċi postali/ Eircode(1) Kodiċi tal-pajjiż Kummenti
Il-Belġju 4 ċifri
Il-Bulgarija 4 ċifri
Iċ-Ċekja 5 ċifri Hemm spazju bejn it-tielet u r-raba’ ċifra. Hemm żewġ spazji bejn il-kodiċi postali u l-isem tal-belt.
Id-Danimarka 4 ċifri
Il-Ġermanja 5 ċifri Qatt tuża kodiċi ta’ pajjiż (D- jew DE-) qabel il-kodiċi postali. Jekk tagħmel hekk tista’ twassal għal dewmien tal-posta li tintgħażel bil-magna.
L-Estonja 5 ċifri
L-Irlanda 7 karattri alfanumeriċi (Eircode) Żid, jekk possibbli, il-kodiċi tas-settur f’Dublin. L-Eircode għandu jitqiegħed f’linja separata, ’il fuq mill-isem tal-pajjiż.
Il-Greċja 5 ċifri Hemm spazju bejn it-tielet u r-raba’ ċifra.
Spanja 5 ċifri Daħħal l-isem tal-provinċja f’linja separata wara l-isem tal-belt — ara l-lista fuq is-sit web tal-UPU (EN).
Franza 5 ċifri
Il-Kroazja 5 ċifri HR Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “HR-”.
L-Italja 5 ċifri Daħħal l-abbrevjazzjoni tal-provinċja wara l-isem tal-belt — ara l-lista fuq is-sit web tal-UPU (EN).
Ċipru 4 ċifri CY Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “CY-”.
Il-Latvja 4 ċifri (lejn il-lemin) LV Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “LV-”. Din tinsab lejn il-lemin tal-isem tal-belt, minn liema kelma hija mifruda b’virgola.
Il-Litwanja 5 ċifri LT Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “LT-”.
Il-Lussemburgu 4 ċifri L Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “L-”.
L-Ungerija 4 ċifri L-isem tat-triq għandu jitpoġġa taħt l-isem tal-belt. Il-kodiċi postali għandu jitpoġġa f’linja separata, fuq l-isem tal-pajjiż.
Malta 3 ittri + 4 ċifri Il-kodiċi postali għandu jitpoġġa taħt l-isem tal-belt, bi spazju bejn l-ittri u ċ-ċifri.
in-Netherlands 4 ċifri + 2 ittri Hemm spazju bejn iċ-ċifri u l-ittri. Hemm żewġ spazji bejn il-kodiċi postali u l-isem tal-belt.
L-Awstrija 4 ċifri
Il-Polonja 5 ċifri Hemm sing bejn it-tieni u t-tielet ċifra.
Il-Portugall 7 ċifri Hemm sing bejn ir-raba’ u l-ħames ċifra.
Ir-Rumanija 6 ċifri
Is-Slovenja 4 ċifri
Is-Slovakkja 5 ċifri
Il-Finlandja 5 ċifri FI Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “FI-” (jew minn “AX-” għall-Gżejjer Åland).
L-Iżvezja 5 ċifri SE Il-kodiċi postali jrid ikun ippreċedut minn “SE-”. Hemm spazju bejn it-tielet u r-raba’ ċifra.
(1)

Sakemm mhux indikat mod ieħor, il-kodiċi postali jidher fuq ix-xellug tal-isem tal-belt. Jintuża biex jiddefinixxi grupp ta’ indirizzi. Min-naħa l-oħra, l-Eircode, imniedi l-Irlanda f’Lulju 2015, huwa kodiċi uniku assenjat lil kull indirizz residenzjali u kummerċjali.

NB:

Għal raġunijiet prattiċi (sinottiżmu fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha) l-lista qiegħda f’ordni ta’ protokoll.

Osservazzjonijiet oħra

Xi Stati Membri (il-Belġju, l-Irlanda, Malta u l-Finlandja) għandhom żewġ jew aktar lingwi uffiċjali li jintużaw bħala lingwi proċedurali fl-istituzzjonijiet Ewropej. (Għalkemm Ċipru għandu l-Grieg u t-Tork bħala lingwi uffiċjali, jintuża biss il-Grieg bħala lingwa proċedurali fl-istituzzjonijiet Ewropej.) Ta’ min jinnota li għall-Belġju, permezz ta’ ftehim mal-awtoritajiet Belġjani, il-format tal-indirizz multilingwi ma jinkludix il-verżjoni Ġermaniża. Għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri qed jintużaw żewġ lingwi uffiċjali meta jinkitbu l-indirizzi: Il-Franċiż u l-Olandiż għall-Belġju; l-Irlandiż u l-Ingliż għall-Irlanda; il-Malti u l-Ingliż għal Malta u l-Finlandiż u l-Iżvediż għall-Finlandja.

F’xi pajjiżi għandhom jitqiesu ċerti alfabeti distinti (il-Bulgarija, il-Greċja/Ċipru).

Il-kitba tal-indirizzi għal destinazzjoni f’wieħed mill-pajjiżi ta’ dawn iż-żewġ gruppi tiddependi fuq il-lingwa(i) tal-pubblikazzjoni u fuq jekk ix-xogħol huwiex monolingwi jew multilingwi.

Indirizzi għal destinazzjoni fil-Belġju, fl-Irlanda, f’Malta jew fil-Finlandja

Xogħlijiet monolingwi

  • Xogħlijiet f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni: fil-prinċipju, l-indirizzi huma biss f’dik il-lingwa.
  • Xogħlijiet f’lingwa oħra tal-UE: l-indirizzi huma fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni (bħal ma jiġri fil-każ ta’ xogħlijiet multilingwi).

Xogħlijiet multilingwi

L-indirizzi huma mogħtija fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni.

Indirizzi għal destinazzjoni fil-Bulgarija, fil-Greċja jew f’Ċipru

Xogħlijiet monolingwi

  • Xogħlijiet bil-Bulgaru jew bil-Grieg: l-indirizzi huma fil-lingwa tal-pubblikazzjoni iżda l-ismijiet tal-belt u tal-pajjiż jiżdiedu bl-Ingliż.
  • Xogħlijiet fil-lingwi l-oħra tal-UE: l-indirizzi huma f’karattri Rumani (bi traslitterazzjoni jekk neċessarja, pereżempju, tal-isem tat-triq).

Xogħlijiet multilingwi

L-indirizzi jingħataw bil-Bulgaru/bil-Grieg u l-ismijiet tal-belt u tal-pajjiż jiżdiedu bl-Ingliż. L-indirizz sħiħ jingħata wkoll f’karattri Rumani (traskrizzjoni bl-Ingliż).