Daħla
L-introduzzjoni tiddeskrivi kif Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali nħolqot, fiex tikkonsisti u lil min tikkuntattja jekk ikollok xi mistoqsijiet — ġenerali jew lingwistiċi — jew suġġerimenti.
Wara proċess li nbeda fl‑1993 bit-tnedija tal-Vade-mecum for editors, Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali ġiet ippubblikata oriġinalment fl‑1997 fi 11-il lingwa li aktar tard ġew estiżi għal 24. Din tirrappreżenta kisba importanti fl‑armonizzazzjoni lingwistika unika fil-ġeneru tagħha minħabba l‑għadd ta’ komunitajiet lingwistiċi involuti fl‑iżvilupp tagħha. Din għandha sservi ta’ għodda ta’ referenza għal xogħlijiet bil-miktub għall-istituzzjonijiet, il‑korpi, l‑uffiċċji u l‑aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-iżvilupp tagħha kien jeħtieġ il‑ħolqien ta’ kumitat ta’ tmexxija interistituzzjonali li ħatar sensiela ta’ rappreżentanti f’kull istituzzjoni u għal kull lingwa. Dawn jaħdmu taħt it‑tmexxija ta’ grupp ta’ koordinament li jinsab fl‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
L-armonizzazzjoni bejn prattiċi (kultant diverġenti) issir, billi tiġi kkunsidrata l‑perspettiva multilingwi tal-istituzzjonijiet, li tesiġi li t‑testi tal-lingwi uffiċjali kollha jkunu komparabbli, b’tali mod li jkun irrispettat il‑karattru speċifiku ta’ kull lingwa.
L-Ewwel Parti tiġbor flimkien ir‑regoli għall-applikazzjoni stretta fl‑editjar tal-atti pubbliċi fil-Ġurnal Uffiċjali u t‑Tieni Parti fiha n‑normi tekniċi jew editorjali ewlenin li għandhom x’jaqsmu mal‑pubblikazzjonijiet ġenerali. Barra minn hekk, minbarra l‑qbil mar-regoli individwali ta’ kull lingwa li jinsabu fir-Raba’ Parti, l‑24 grupp waslu għall-konklużjoni tal-konvenzjonijiet ta’ xogħol komuni għal‑lingwi kollha, elenkati fit-Tielet Parti tal-gwida. Din it‑taqsima sservi ta’ bażi awtentika biex tiżdied l‑armonizzazzjoni bejn il‑lingwi u l‑istituzzjonijiet kollha bla distinzjoni.
Bi prinċipju, il‑konvenzjonijiet uniformi adottati mill-Gwida tal-Istil għandhom prevalenza fuq kull soluzzjoni oħra proposta jew utilizzata qabel; l‑applikazzjoni tagħhom hija obbligatorja f’kull fażi tal-proċedura bil-miktub.
Finalment, l‑iskop tax-xogħol preżenti huwa, qabel kollox, li jinkoraġġixxi interazzjoni dinamika bejn l‑utenti kollha tiegħu filwaqt li jkompli għaddej minn proċess ta’ aġġornament kontinwu. Għalhekk l‑awturi jappellaw lil kull qarrej għall-kontribuzzjoni attiva tiegħu billi jikkomunika kull informazzjoni utli, jiġbed l‑attenzjoni għal żbalji jew omissjonijiet, u anki billi jibgħat suġġerimenti lid-dipartiment li ġej:
Publications Office of the European Union (L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea)
"Style guide" Coordination (Il-Koordinazzjoni tal-“Gwida tal-Istil”)A
(Unit A.1.002)
L-2985 Luxembourg
LUXEMBOURG
Ikkuntattja bl‑email:
- mistqosijiet ġenerali
(OP-ISG-coordination@publications.europa.eu), - mistoqsijiet ġenerali li jikkonċernaw il‑lingwa Maltija
(op-code-de-redaction-mt@publications.europa.eu).