Preambolu
Fil-preambolu għall-parti tal-Ġurnal Uffiċjali tinsab deskrizzjoni qasira tiegħu, tas-servizzi tal-awtur u tal-għodda u x-xogħlijiet ta’ referenza użati għat-testi li jiġu ppubblikati fih.
L-isfond storiku
1952
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA, inħoloq ġurnal uffiċjali għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi, id-deċiżjonijiet u atti oħrajn.
Il-Ġurnal Uffiċjali ħareġ għall-ewwel darba fit-30 ta’ Diċembru.
Mill-1952 sad-19 ta’ April 1958, il-ġurnal kien jismu Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, bl-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan bħala lingwi uffiċjali.
1958
Wara d-dħul fis-seħħ ta’ żewġ trattati oħra, it-Trattat KEE (Komunità Ekonomika Ewropea) u t-Trattat Euratom, it-titolu tal-Ġurnal Uffiċjali ġie adattat u sar Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Il-Ġurnal Uffiċjali l-ġdid ħareġ għall-ewwel darba fl-20 ta’ April.
1968
Is-serje L (Leġiżlazzjoni) u s-serje C (Informazzjoni u Avviżi) bdew jiġu ppubblikati f’Jannar.
L-ewwel ħarġa tas-serje L ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar.
L-ewwel ħarġa tas-serje C ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Jannar.
1978
L-ewwel ħarġa tas-serje S (Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej) ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Jannar.
Is-sejħa għall-offerti u l-avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, pereżempju, kienu ppubblikati qabel fis-serje L (sa Diċembru 1974) u fis-serje C (sa Diċembru 1977) rispettivament.
1981
Id-database tas-CELEX (Communitatis Europaeae Lex) — sistema ta’ dokumentazzjoni interistituzzjonali multilingwi awtomatizzata għal-liġi Komunitarja — saret aċċessibbli għall-pubbliku.
Mifruxa fil-Kummissjoni kollha, is-CELEX hija aċċessibbli fuq l-Internet u fuq tejp manjetiku.
1986
Is-serje S saret aċċessibbli f’forma elettronika (database tat-Tenders Electronic Daily (TED)).
1987
Is-serje L u s-serje C saru aċċessibbli fil-forma ta’ microfiche.
1991
F’Jannar, inħolqot is-serje C … A.
1992
F’Ottubru, il-ġestjoni tas-CELEX ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
1997
Is-serje S saret disponibbli fuq CD-ROM.
1998
Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq is-sit tal-EUR-Lex fuq l-Internet.
Mill-1 ta’ Lulju, is-serje S ma baqgħetx tiġi ppubblikata f’verżjoni stampata iżda f’verżjoni elettronika biss fuq CD-ROM u fuq l-Internet (id-database tat-TED).
1999
Mill-31 ta’ Awwissu s-serje C … E bdiet tiġi ppubblikata f’forma elettronika (E = elettronika).
2001
Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq CD-ROM.
2002
L-aċċess għall-EUR-Lex sar b’xejn mill-1 ta’ Jannar.
2003
Mill-1 ta’ Frar, il-Ġurnal Uffiċjali reġa’ bidel ismu għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Nizza).
2004
Mill-1 ta’ Mejju, il-Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat f’20 lingwa minħabba t-tkabbir. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 saret deroga għall-edizzjoni Maltija tal-ĠU — għal tliet snin (mill-1.5.2004 sat-30.4.2007) l-istituzzjonijiet kienu obbligati jippubblikaw bil-Malti biss ir-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
L-istrixxa bil-kulur fuq l-ispina tal-ĠU tneħħiet fl-1 ta’ Mejju u l-verżjonijiet lingwistiċi huma identifikati bil-kodiċi ISO fuq quddiem u wara tal-ġurnal.
Mill-1 ta’ Mejju, id-databases tas-CELEX u l-EUR-Lex bdew ikunu disponibbli fi 22 lingwa.
L-aħħar verżjoni stampata tad-Direttorju tal-Leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ ġiet ippubblikata f’Lulju. Għaldaqstant, minn Awwissu ’l quddiem id-Direttorju jinsab fl-EUR-Lex.
Mill-1 ta’ Novembru, l-entrati fid-database tas-CELEX ġew integrati fid-database tal-EUR-Lex u fil-31 ta’ Diċembru s-CELEX ma baqax jiġi aġġornat.
2007
Mill-1 ta’ Jannar, il-Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat fi 23 lingwa minħabba l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija, u minħabba d-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni sekondarja bl-Irlandiż. Madankollu, fil-verżjoni Irlandiża bdiet issir deroga simili għal dik li saret għall-Malti: għal ħames snin (mill-1.1.2007 sal-31.12.2011), l-istituzzjonijiet huma biss obbligati jippubblikaw bl-Irlandiż ir-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005).
Fl-1 ta’ Jannar ġiet implimentata struttura ġdida għall-klassifikazzjoni tal-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.
2009
Mill-1 ta’ Diċembru, il-jum li fih daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, żdiedet intestatura L V temporanja mal-ĠU, intitolata “Atti adottati mill-1 ta’ Diċembru 2009, skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat Euratom”. Din l-intestatura tneħħiet aktar tard fil-31 ta’ Diċembru.
2010
Fl-1 ta’ Jannar, ġiet introdotta struttura ġdida rigward il-klassifikazzjoni tal-atti fil-ĠU li tirrifletti l-bidliet li saru permezz tat-Trattat ta’ Liżbona.
2012
Id-deroga għall-Irlandiż li kienet stabbilita fl-2007 ġiet estiża għal ħames snin oħra bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 (mill-1.1.2012 sal-31.12.2016).
2013
Mill-1 ta’ Lulju, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja, il-Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat f’24 lingwa.
2014
Fl-1 ta’ April, tieqaf il-produzzjoni tas-serje C … E.
2016
Fl-1 ta’ Jannar, jinħolqu s-serje L … I u C … I.
F’Marzu, jiġi introdott l-Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (l-ELI — European Legislation Identifier) fil-portal tal-EUR-Lex.
2017
Id-deroga għall-Irlandiż terġa’ tiġi estiża bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264, iżda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jitnaqqas gradwalment, bil-għan li titneħħa għalkollox sal-31 ta’ Diċembru 2021.
2022
Id-deroga għall-Irlandiż ma tibqax tapplika mill-1 ta’ Jannar.
2023
Mill-1 ta’ Ottubru, ġiet introdotta l-pubblikazzjoni att b’att tal-Ġurnal Uffiċjali.
Is-serje L … I, C … A u C … I twaqqfu.
Servizzi awturi għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji
L-elenku sħiħ tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji jinsabu fit-Taqsima 9.5.
Il-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu)
Diversi dipartimenti jibagħtu t-testi tagħhom lill-Ġurnal Uffiċjali.
Kunsill Ewropew (Brussell)
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it-testi.
Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Brussell)
Is-Segretarjat Ġenerali jibgħat it-testi.
Il-Kummissjoni Ewropea (Brussell u l-Lussemburgu)
Is-Segretarjat Ġenerali huwa responsabbli biex jibgħat it-testi tal-Kummissjoni li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali: dawn huma l-atti legali vinkolanti (is-serje L), il-proposti tal-Kummissjoni, l-informazzjoni u l-avviżi (is-serje C), u s-sejħiet għall-kuntratti u l-avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (is-serje S).
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Il-Lussemburgu)
Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa responsabbli biex jipprovdi t-testi.
Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main)
Id-Direttorat Ġenerali Segretarjat u Servizzi Lingwistiċi jew id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Legali jipprovdi t-testi.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Il-Lussemburgu)
L-Unità “Komunikazzjoni u Rapporti” hija responsabbli biex tibgħat it-testi.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Brussell)
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it-testi.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Brussell)
Ir-Reġistru jibgħat it-testi.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (Brussell)
Ir-Reġistru jibgħat it-testi ta’ diversi unitajiet.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (Il-Lussemburgu)
Ħafna awturi jipprovdu t-testi differenti.
L-Ombudsman Ewropew (Strasburgu) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (Brussell)
Ħafna awturi differenti jipprovdu t-testi.
Uffiċċji u aġenziji
Għal-lista tal-uffiċċji u l-aġenziji, ara t-Taqsimiet 9.5.3 sa 9.5.6.
Għal-lista multilingwi tal-istituzzjonijiet, il-korpi, is-servizzi interistituzzjonali, l-uffiċċji u l-aġenziji, ara l-Anness A9.
LegisWrite u EdiT
Il-LegisWrite hija għodda informatika li tgħin fit-tfassil, ir-reviżjoni u l-iskambju ta’ dokumenti uffiċjali bejn l-istituzzjonijiet, irrispettivament jekk humiex ta’ natura leġiżlattiva jew le. Din l-għodda tistandardizza l-istruttura u l-preżentazzjoni tat-testi.
Tista’ tikseb iktar informazzjoni dwar LegisWrite minn GoPro (il-Gwida għall-proċeduri), aċċessibbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE:
https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/wikis/display/REGISTRY/Rules+on+form (en)
https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/wikis/pages/viewpage.action?pageId=216418878 (en)
L-għodda ta’ abbozzar leġiżlattiv EdiT, ibbażata fuq XML, ġiet introdotta fl-2021. Gradwalment se tissostitwixxi lil LegisWrite. Aktar informazzjoni dwar l-EdiT hija disponibbli fuq GoPro:
https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/wikis/display/REGISTRY/EDIT+EN (en)
Xogħlijiet ta’ referenza
Ix-xogħlijiet ta’ referenza ewlenin għat-testi li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali huma dawn li ġejjin:
- għal problemi ta’ natura lingwistika:
- L-Akkademja tal-Malti, Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, Malta, Gutenberg Press, 2004,
- Aquilina Joseph, English-Maltese Dictionary Vol. 1-4, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
- Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary Vol. 1 & 2, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
- Serracino Inglott Mario, Id-Dizzjunarju Malti u Teżawru ta’ Malti Mħaddem, Malta, Gutenberg Press, 2003.
- għal dak li għandu x’jaqsam mal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni:
- Gwida Prattika Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni maħsuba għal persuni involuti fl-abbozzar ta’ testi ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2015,
- Manwal Komuni għall-Preżentazzjoni u l-Abbozzar ta’ Atti suġġetti għall-Proċedura Leġislattiva Ordinarja(il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni), edizzjoni 2023*,
- Il-Kunsill, Formularju tal-Atti Stabbiliti fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, edizzjoni 2023,
- Legislative drafting — a Commission manual*.
- għall-akronimi u t-taqsiriet:
- IATE (database għall-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ġestjoni kondiviża tat-terminoloġija bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea).
- għall-verifika tat-titoli, tal-kontenut, u tal-aħħar emendi tal-atti, eċċ.:
- EUR-Lex (jipprovdi aċċess dirett u b’xejn għal-liġi tal-UE u l-ĠU, kif ukoll it-trattati, il-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza u l-proposti leġiżlattivi.
Barra minn hekk, ċerti edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali jservu bħala referenza fissa f’oqsma bħall-agrikoltura, is-sajd, ftehimiet kummerċjali, in-Nomenklatura Magħquda, ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, eċċ.
Link interna/dokument ta’ ħidma għall-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej. Verżjoni bil-Malti ma teżistix.