Referenzi
Il-bażi legali u l‑mandat huma r‑referenzi prinċipali għall-iskop u t‑tħaddim ta’ Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali.
Bażi ġuridika
Id-Deċiżjoni 69/13/Euratom, KEFA, KEE tas-16 ta’ Jannar 1969 li tistabbilixxi l‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 13, 18.1.1969), imħassra u mibdula bid-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l‑organizzazzjoni u l‑funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 41):
“Artikolu 1
Il-kompitu tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li huwa uffiċċju interistituzzjonali, għandu jkun li jippubblika l‑pubblikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Unjoni Ewropea fl‑aħjar kundizzjonijiet possibbli.”
*
Il-Kumitat Konsultattiv dwar il‑Pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni ddefinixxa pubblikazzjoni bħala test idduplikat, maħsub l‑aktar għall-użu estern, li l‑produzzjoni tiegħu tikkostitwixxi spiża baġitarja.
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu r‑responsabbiltà, fost oħrajn:
- li jistandardizza l‑formati,
- li jarmonizza l‑preżentazzjoni tal-pubblikazzjonijiet.
Skont id‑Deċiżjoni msemmija hawn fuq, l‑isem “L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej” inbidel għal “L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”, bid-dħul fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2009.
Mandat
Il-gwida tal-istil titmexxa mill-entitajiet li ġejjin:
- Il-Kumitat Interistituzzjonali, imwaqqaf mill-Bord tat‑Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, hu magħmul minn rappreżentanti ġenerali mill-istituzzjonijiet li ġejjin: Il-Parlament Ewropew, il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il‑Kummissjoni Ewropea, il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑Qorti Ewropea tal-Awdituri, il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il‑Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;
- It-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali għall-gwida tal-istil, ibbażata fl‑Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet;
- Il-gruppi lingwistiċi interistituzzjonali (wieħed kull lingwa), li r‑rappreżentanti tagħhom jinħatru mill-membri tal-Kumitat Interistituzzjonali.
Il-Kumitat Interistituzzjonali jaħtar rappreżentanti uffiċjali biex jipparteċipaw direttament fix-xogħol tal-gruppi lingwistiċi. Il-kumitat jista’ jaġixxi bħala arbitru fil-każ ta’ problema kbira.
It-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali hija responsabbli mill-proċedura tal-ġestjoni ġenerali: jorganizza x‑xogħol, jiżgura l‑koerenza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-gruppi differenti, jaġġorna u jiżviluppa l‑proċess. Din it‑taqsima hija responsabbli wkoll mill-ġestjoni ġenerali tas-sit web tal-gwida tal-istil u tipparteċipa direttament fl‑iżvilupp tiegħu.
Il-gruppi lingwistiċi huma responsabbli mill-iżvilupp u s‑segwitu tal-verżjonijiet lingwisitċi rispettivi tagħhom, bil-gwida tat‑taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali. Ir-rappreżentanti fil-gruppi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jikkoordinaw ix-xogħol u jittrażmettu lura l‑informazzjoni tat‑taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali. Il-gruppi huma magħmula minn rappreżentanti mill-entitajiet lingwistiċi varji tal-istituzzjonijiet: ġuristi lingwisti, tradutturi, terminologi, qarrejja tal-provi, eċċ.
Barra minn hekk, korpi varji li jieħdu d‑deċiżjonijiet, notevolment is‑Segretarjat Ġenerali, is‑servizz tal-protokoll u s-servizzi inkarigati mir-relazzjonijiet esterni tal-Kummissjoni, huma kkonsultati regolarment skont is‑suġġett tal-ġurnata. Jinżamm kuntatt mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali varji, partikolarment fir-rigward ta’ standardizzazzjoni (ISO).